Sunday, May 5, 2024

ARA: Il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali jaspira li jgħaddi minn grupp D tal-UEFA Nations League 

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, il-Malta FA ħabbret il-ħatra ta’ Michele Marcolini bħala Head Coach il-ġdid tat-Timijiet Nazzjonali tagħha. It-Taljan ta’ 47 sena se jkun ikkuntrattat sal-aħħar tal-2024 u se jieħu r-rwol il-ġdid mill-1 ta’ Jannar 2023.

Michele Marcolini huwa eks plejer li lagħab ma’ numru ta’ klabbs fl-Italja, fosthom Bari, Torino, Atalanta u Chievo Verona, u ma’ selezzjonijiet tat-Tim Nazzjonali Taljani ta’ juniors.

Marcolini ikkowċja diversi timijiet tas-Serie B u C u rebaħ il-Coppa Italia Serie C mal-klabb Piemontese Alessandria fl-istaġun 2017-18.

Proprju, wara din l-aħbar, ilbieraħ ġiet indirizzata konferenza stampa fis-Sala taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali indirizzata mill-president tal-MFA Bjorn Vassallo, il-coach  il-ġdid tat-tim nazzjonali tal-irġeil, Michele Marcolini u l-coach il-ġdid tat-tim nazzjonali tan-nisa, Manuela Tesse.

Beda biex jitkellem il-president tal-MFA Bjorn Vassallo li qal li: “Ninsabu kuntenti ħafna li Michele Marcolini aċċetta l-offerta tagħna biex issir il-Kowċ il-ġdid tat-Timijiet Nazzjonali. Għaddejna minn proċess bir-reqqa biex naslu għal din id-deċiżjoni. Il-profil tiegħu jaqbel mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Assoċjazzjoni, iffukat fuq l-iżvilupp fit-tul tal-plejers tal-futbol elite tagħna. Il-prijorità tal-Malta FA hija li tiżgura li l-proġett tekniku tagħha jipproċedi kif ippjanat skont l-istrateġija tagħna biex niksbu filosofija ta’ logħba unifikata għat-timijiet Nazzjonali kollha.”

“Minbarra l-kwalifiki tiegħu ta’ kowċ, Marcolini jġib ħafna esperjenza fil-futbol wara li lagħab fl-ogħla livelli tal-futbol Taljan għal kważi għoxrin sena.”

Huwa qal li wara matul din is-sena it-team nazzjonali affronta żewġ transizzjonijiet – l-ewwel minħabba l-mewt ħabta u sabta tal-eks kit manager Mark Piscopo iktar magħruf bħala l-‘Lullu’ u mbagħad minħabba l-każ Devis Mangia, il-prospetti għas-sena d-dieħla jidhru sbieħ.

Intant, f’kummentl li għadda il-coach il=ġdid tat-tem nazzjonali Michele Marcolini qal li għandu l-aspirazzjoni li jkompli fuq it-tajjeb li ħalla l-ex coach Devis Mangia fosthom li jaddotta filosofija unifikata ta’ football bejn it-timijiet nazzjonali kollha, waqt li jaspira għall-kwalifikazzjoni minn Grupp D tal-UEFA Nations League. Huwa qal li se jkun qed isegwi l-logħob kollu tal-Kampjaonat BOV Premier biex ikollu idea iktar ċara ta’ x’joffri l-football Malti. Huwa rringrazzja bis-sħiħ lill-MFA mmexxija mill-president Bjorn Vassallo tal-fiduċja assoluta li wrew fih.

Michele Marcolini se jkun qed jingħaqad minn Davide Mandelli, li kien preżenti wkoll għal din il-konferenza stampa, bħala Assistant Coach. Mandelli huwa wkoll eks plejer li beda l-karriera tal-futbol tiegħu ma’ Monza, u mbagħad kompla jilgħab mal-klabbs tas-Serie A u tas-Serie B Torino, Siena u Chievo Verona. Wara li rtira, huwa mexa fuq il-passi ta’ Marcolini u għenu f’numru ta’ klabbs fejn ħadem bħala manager tal-futbol. Mandelli se jingħaqad mal-istaff tekniku attwali mill-1 ta’ Jannar 2023.

Intant, indirizzat din il-koneferenza stampa wkoll il-coach il-ġdida tat-team nazzjonali tan-nisa Manuela Tesse li qalet li beħsiebha tkompli fuq ix-xogħol impekkabbli li sar mill-coach ta’ qabilha Mark Gatt, waqt li għandha l-għan primarju li twassal lil dan it-team għal iktar wirjiet u riżultati pożittivi. Hija qalet li diġá għandha idea tajba ta’ diversi players tat-team nazzjonali, hekk kif uħud minnhom  lagħbu u għadhom jilagħbu fil-Kampjonati tas-Serie A u Serie B fl-Italja. 

Sport