Thursday, April 18, 2024

ARA: “Irridu li t-tfal jinħarġu mill-miżbla u noffrulhom l-edukazzjoni”

Il-missjunarji Għawdxin fi Guatemala

Aqra wkoll

Il-grupp ta’ tmien Għawdxin li telqu biex jagħmlu xogħol missjunarju fi Guatemala stqarrew ma’ dan is-sit li s-sitwazzjoni f’ċertu żoni fil-pajjiż hija waħda tal-biża’.

“Se nagħmlu dak kollu posibbli biex fiż-żmien li ġej it-tfal li hemm jgħixu b’mod speċjali fil-miżbla jinħarġu minn hemm u jingħataw l-edukazzjoni,” stqarrew magħna l-grupp ta’ missjunarji Għawdxin.

YouTube video

F’parti mix-xogħol tagħhom il-missjunarji marru fil-miżbla magħrufa bħala “the garbage village” fejn mill-inqas hemm jgħixu 60 familja. Huma jaħdmu f’din il-miżbla fejn jipprovaw isibu plastik, metal u affarijiet oħrajn li imbgħad ikunu jistgħu jmorru għar-riċiklaġġ.

Iżda biex jagħmlu dan ix-xogħol ħajjithom tkun dejjem fil-periklu u anke jkollhom jorqdu taħt it-tined fl-istess miżbla.

Dan is-sit tkellem ukoll ma’ Dun Anton Grech li qiegħed imexxi lil grupp ta’ missjunarji Għawdxin li jinsabu fi Guatemala.

“Dawn huma nies li litterament jgħixu mill-iskart li jintefa fil-miżbla ta’ Puerto Barriso. Dawn in-nies tilfu d-dinjità tagħhom, u jibqgħu jagħmlu dan ix-xogħol minħabba li hu l-unika xogħol li jista’ jagħtihom l-għajxien,” stqarr magħna l-missjunarju Dun Anton Grech.

Hu sostna li ilu għal dawn l-aħħar snin imur fil-miżbla darba fix-xahar u joffri borża tal-ikel lil dawn il-persuni. Dun Anton Grech qal li s-sena li għaddiet mietu żewġt itfal. “Tifel ta’ sena u nofs li miet f’infenzjoni u miet għax ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu l-kura meħtieġa, filwaqt li tifel ieħor ta’ disa’ snin li miet b’aċċident fl-istess miżbla,” qal il-missjunarju.

Kien għalhekk li l-fondazzjoni li tmexxi proġetti fil-missjoni ddeċidiet li tixtri biċċa art bit-tama li dawn il-povri jingħataw ftit dinjità. Din l-art inxtrat bis-saħħa tal-benefatturi Maltin u Għawdxin li b’mod kontinwu jgħaddu l-flus biex jgħinu.
“Issa rridu nibdew it-tieni fażi. Żgur li se jkun hemm dar biex niġbru lit-tfal li hemm fil-miżbla biex dawn ma jibqgħux jgħixu taħt it-tined xemx u xita u aktar importanti li se nkunu qegħdin noffrulhom l-edukazzjoni,” sostna Dun Anton Grech.

Qal li biex isir dan għandhom bżonn aktar fondi mhux biss biex jibnu d-dar iżda biex jimpjegaw għalliema fultajm biex dawn it-tfal jibdew bil-mod jitgħallmu xi ħaġa tal-iskola.

Dun Anton qal li pass ieħor hu li jiġu akwistati magni tar-riċiklaġġ biex b’hekk tal-inqas ix-xogħol ta’ dawn in-nies ikun ftit aktar ħafif. “Għadna bżonn pressa biex il-plastik li jinġabar jitgħaffeġ u jkun ferm aktar faċli għat-trasport,” qal il-missjunarju.

Ma’ dan il-ġurnal il-missjunarju qal li hemm bżonn li fiż-żona jibda jkun hemm ilma nadif għax fejn jgħixu dawn is-60 familja sal-lum ma hemmx sistemi ta’ ilma. Fil-fatt qed isiru l-pjani – dejjem jekk jinġabru l-fondi – biex titħaffer borehole.
“Irridu wkoll li wara li nagħmlu l-binja li jkollhom sistema ta’ sanità tajba u jkun hemm tal-inqas showers biex tal-inqas dawn it-tfal u n-nies ikollhom fejn jinħaslu. Bħalissa minn dan ma hemm xejn,” kompla jgħid Dun Anton Grech.

Jekk persuni jixtiequ jagħtu donazzjoni lil missjoni għal dan il-proġett ambizjuż li qed isir kollu mill-Maltin u Għawdex jistgħu jidħlu fuq www.guatemalta.org u hemm fejn tista’ tagħti l-flus u anke tingħata rċivuta.

Wieħed jista’ wkoll jikkuntattja liċ-Ċentru Ragħaj it-Tajjeb taċ-Ċawla Għawdex u dawn il-flus jaslu b’mod immedjat għand il-missjunarji li hemm fil-pajjiż bħalissa.
Il-grupp ta’ missjunarji Għawdxin qabel ma telqu Malta wettqu diversi attivitajiet u fihom ġabru 16,398 ewro. Appari dan ġabru biżżejjed flus biex jixtru 26 forn biex dawn jingħataw lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Ekonomija

Sport