Thursday, April 18, 2024

ARA: Is-Slaten Maġi jiltaqgħu mal-anzjani fil-vjaġġ tagħhom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi tmiem l-attività tal-presepju ħaj ta’ Bethlehem f’Għajnsielem, bħala parti mit-tradizzjoni fl-okkażjoni tal-festa tal-Epifanija, reġgħet ittellgħet l-attività tas-Slaten Maġi. Għal darba oħra, din saret minn sinerġija ta’ rħula Maltin bl-attivitajiet ikunu mifruxa fuq jumejn, bil-qofol jintlaħaq proprju lbieraħ bil-wasla tal-Maġi fl-imsemmi villaġġ tan-natività.

Ritratt: Alan Saliba

Il-vjaġġ tal-Maġi beda s-Sibt bi żjara fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa u wara fir-residenza San Vinċenz De Paul. Il-Maġi mbagħad żaru l-knejjes fil-lokalità ta’ Ħal Qormi u wara għamlu waqfa fl-Isptar Mater Dei. Il-vjaġġ imbagħad issokta lejn il-Ħamrun fejn hemm il-Maġi żaru l-Presepju Ħaj f’Misraħ San Franġisk.

Ritratt: Alan Saliba

Il-Ħadd filgħodu l-Maġi telqu mill-Imġarr (Malta) u baqgħu sejrin lejn id-dar tal-anzjani tal-Mellieħa. Wara saret attività fil-bitħa tas-santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Minn hemm, il-Maġi baqgħu sejrin lejn il-gżira t’Għawdex fejn intemm il-vjaġġ tagħhom.

Ritratt: Joe Grech

Il-festa tal-Epifanija kienet ukoll iċċelebrata fil-pjazza tal-Vitorja tax-Xagħra, Għawdex fejn ittellgħet l-attività “La Cavalcata dei Re Magi” li kienet organizzata mill-Għaqda Milied fix-Xagħra.

YouTube video
Filmat: Joe Grech

Sadanittant, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, il-quddiesa tal-Epifanija tal-Mulej tmexxiet mill-Arċisqof Savio Hon Fai-Tai, li matulha ġie ppreżentat bħala n-Nunzju Appostoliku ġdid ta’ Malta. L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kkonċelebraw fil-quddiesa. 

Ritratt: Joe Grech

L-Arċisqof semma kif is-salm responsorjali tal-lum fih tifsira ġdida minħabba li n-Nunzju u l-Kunsillier tan-Nunzjatura Mons. Dennis Kuruppassery ġejjin mil-Lvant, l-istess bħalma t-Tliet Slaten Maġi ġew mil-Lvant biex jiltaqgħu ma’ Alla li ġie fostna bħala tarbija.

Mons. Arċisqof Scicluna żied jgħid: “Quddiem tarbija għandek għażliet: tilqagħha jew twarrabha għax it-tarbija tiddependi minnek biex tgħix. L-għażla tagħna tkun dik li aħna nilqgħu dan id-don kbir ta’ ħajja, dawl, umanità vera u ferħ.”

Fi tmiem il-quddiesa n-Nunzju wassal messaġġ mill-Papa Franġisku: “Lil kull wieħed u waħda minnkom nixtieq inwassal l-isbaħ xewqat tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku li għadu jieħu pjaċir bil-memorji sbieħ taż-żjara appostolika s-sena l-oħra.”

Ekonomija

Sport