Saturday, May 4, 2024

ARA: L-edukazzjoni fuq il-mejda tal-awtopsja: Ħidma biex nirkupraw li ntilfu

Melvic Zammit
Melvic Zammit
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta ħabtet fuq il-bibien tagħna, il-pandemija fakkritna kemm il-ħidma tagħna b’risq il-ġustizzja soċjali ma tistax tieqaf.  Hija ħidma kontinwa u mifruxa mal-irkejjen kollha tal-politika u tal-ħidma professjonali, volontarja u komunitarja. Hekk kif bdiet tinfirex u tattakka, il-marda urietna x-xquq fix-xibka soċjali, id-diżlivelli fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u n-nuqqasijiet li indivdwi u familji jġarrbu wara l-ħitan ta’ djarhom.  

Uħud, lanqas il-ħitan u s-saqaf ma jistgħu jgħidu li huma tagħhom.  F’ambjenti żvantaġġjati, miżgħudin b’kull tip ta’ nuqqas, jgħixu numru mhux żgħir minn dawk it-tfal li jiffurmaw parti mill-istatistika ta’ dawk li joħorġu mis-sistema edukattiva mingħajr il-ħiliet bażiċi, u li ħafna drabi jinqabdu wkoll fil-lista tal-assentejiżmu li għadha wisq twila biex ma ninkwetawx.  

YouTube video

F’kummenti ma’ Talk.mt, il-Professur Carmel Borg, Kap ta’ Dipartiment fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni stqarr li dawn huma ż-żgħażagħ li mingħajr intervent f’waqtu, u kif uriet ir-riċerka, huma l-ħaddiema prekarji, l-esklużi soċjalment, passivi fil-ħajja demokratika tal-pajjiż, l-aktar li jbatu minn dipressjoni u diffikultajiet emozzjonali oħra, b’uħud minnhom dipendenti b’mod kroniku fuq is-servizzi soċjali.  Fi kliemu huma żgħażagħ li qatt ma jaraw aktar il-bieb tal-edukazzjoni formali.  

Il-pandemija laqtet lit-tfal kollha, iżda żgur li laqtet l-aktar lil dawk it-tfal li huma soċjalment, ekonomikament u kulturalment żvantaġġjati u, x’aktarx, b’dipendenza għolja fuq l-iskola għall-akkwist ta’ dawk il-ħiliet skolastiċi li nqisu bħala bażiċi għat-tkomplija tal-vjaġġ edukattiv tul il-ħajja.  

“Fil-pandemija, dawk minna li għandhom għajnejn u jridu jaraw, rajna minn kollox: tfal u familji bla aċċess għall-infrastruttura teknoloġika jew b’aċċess għal teknoloġija fqira; iffullar ta’ familji fi spazji fiżiċi ċkejkna, li ftit li xejn iħallu spazju għall-istudju; żieda fil-każi ta’ deterjorament tas-saħħa mentali tal-ġenituri li jnaqqas il-kwalità tal-kura tat-tfal; żieda fil-problemi familjari li jħarbtu l-ambjent emozzjonali seren li għandhom bżonn it-tfal biex jikkonċentraw fuq ħwejjeġ skolastiċi; żieda fl-abbuż tas-sustanzi li jivvalenaw l-ambjent tal-familja, b’impatt serju fuq il-psikoloġija tat-tfal u l-aptit tagħhom għall-iskola; żieda fi problemi ta’ saħħa mentali tat-tfal; tfal li jinqatgħu kompletament mill-ambjent edukattiv; tfal li jisparixxu mir-radar skolastiku u ħadd ma jaf x’sar minnhom; tfal id-dar weħidhom waqt il-ħin tal-iskola, kultant lanqas iqumu għal-lezzjonijiet; ġenituri li ftit li xejn jistgħu jgħinu lil uliedhom minħabba kapital edukattiv pjuttost fqir, li jinkludi wkoll għarfien limitat tat-teknologija; familji qrib il-linja tal-faqar, li ma jistgħux ikampaw mal-ħajja, u li ħajjithom jgħixuha minn jum għal ieħor bi ftit moħħ tal-edukazzjoni tal-ulied; servizzi limitati għal tfal u ġenituri li l-aktar kellhom bżonn; frustrazzjoni li timmanifesta ruħha fi vjolenza domestika, bit-tfal fost il-vittmi, u lista sħiħa ta’ problemi oħra li nqalgħu jew żdiedu minħabba l-pandemija.  Dan kollu ħalla impatt fuq l-edukazjoni tal-ulied, li ħafna minnhom kienu diġà jgħixu din ir-realtà kiefra, qabel il-pandemija.” 

Prof. Borg kompla jirrifletti u qal li r-realtajiet imsemmija jikkuntrastaw bi kbir mar-realtajiet ta’ ħafna tfal oħra li jsibu l-appoġġ kontinwu tal-ġenituri; jgħixu fi djar stabbli; imdawrin bl-aħħar teknoloġija; jgħixu fi spazji fejn it-tfal jistgħu jinġabru biex jistudjaw u jagħmlu x-xogħol mistenni minnhom; mrobbijin minn ġenituri b’kapital edukattiv u ekonomiku ta’ livell li jistgħu jgħinu lil uliedhom b’mod sħiħ; jgħixu ma’ ġenituri pprivileġġjati, li setgħu joqogħdu d-dar u jwettqu l-ħidma tagħhom filwaqt li jieħdu ħsieb it-tfal; għandhom ġenituri li setgħu jkomplu jonfqu u jinvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, inkluż investiment f’aktar teknoloġija, riżorsi edukattivi u lezzjonijiet fil-privat, fost kundizzjonijiet ideali u vantaġġjużi oħra.  M’hemmx dubju li l-pandemija kompliet iżżid dawn il-kuntrasti u differenzi soċjali u ekonomiċi, li jirriflettu ruħhom f’qasmiet edukattivi.  

“Din is-sitwazzjoni ta’ kuntrasti qawwija ssejħilna biex nieqfu u nirriflettu bis-serjetà dwar fejn wasalna fil-viżjoni ta’ soċjetà ġusta u x’irridu nagħmlu aktar biex l-edukazzjoni tkun strument tassew effettiv f’din il-mixja kollettiva lejn aktar ġustizzja soċjali.”  

Huwa stqarr li l-falliment ta’ ħafna tfal fis-sistema edukattiva huwa akbar mis-sistema nnifisha.  L-inġustizzji ma jibdewx fl-iskola, u l-iskola għandha l-limiti tagħha.  “Għajb għalina jekk naħsbu li l-iskola hija s-soluzzjoni u l-fejqan ta’ kull problema li hawn fis-soċjetà.  Il-politika edukattiva trid taħdem b’mod organiku mal-politika soċjali, kulturali u ekonomika biex l-aspetti kollha li jħarsu ġid il-bniedem jiġu flimkien f’ħidma waħda li tibda mit-tarbija fil-ġuf u titkompla fit-tfulija bikrija u ‘l hinn minnha.  Din il-ħidma trid issir fl-ekoloġiji differenti tat-tfal – mid-dar għall-iskola, mill-familja estensiva għall-komunità.  Din il-ħidma trid tkun organizzata sew, interdixxiplinarja, bi protokolli ċari, b’għarfien ċar ta’ meta għandu jsir intervent u x’intensità għandha tilħaq f’kull ċirkustanza. Dan kollu għandu jsir b’għarfien sħiħ tad-drittijiet umani u konvenzjonijiet diversi li jitkellu dwar id-drittijiet bażiċi tat-tfal.”  

Prof. Borg tenna li għandna nkomplu nistaqsu mistoqsijiet importanti dwar is-sistema edukattiva, u ninsistu li dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba.  Mistoqsijiet bħal:  X’tgħallima minn dawn is-sentejn biex niżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għad-dritt bażiku tagħhom ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, huma min huma u hu x’inhu l-ambjent li se jitgħallmu fih? X’fadal x’isir biex is-sistema ta’ appoġġ għat-tfal kollha, huma x’inhuma d-diffikultajiet fit-tagħlim u d-diżabilitajiet, tkun waħda li twennes b’mod ekwu lill-ulied kif ukoll lill-ġenituri/gwardjani tagħhom?  X’qegħdin nagħmlu biex l-iskejjel tagħna jkunu oasi emozzjonali pożittivi u produttivi, fejn it-tfal u l-għalliema jħossuhom li huma parti minn komunità tat-tagħlim, u kulħadd moħħu mistrieħ li din il-komunità hija tassew kuntest ta’ wens għal kulħadd? X’qegħdin nagħmlu biex insaħħu l-komunikazzjoni bejn id-dar u l-iskola? Qed nagħmlu biżżejjed biex nattakkaw l-assentejiżmu u dawk is-sinjali konkreti ta’ birda edukattiva fost it-tfal? X’nistgħu nagħmlu aktar biex ma nħallux lit-tfal jaqgħu lura minħabba l-qasma diġitali? Kif nistgħu negħlbu l-frammentazzjoni fil-proviżjon tas-servizzi t’appoġġ?  Dawn huma fost sensiela twila ta’ mistoqsijiet li Borg iħoss li l-komunità edukattiva għandha tistaqsi, fi djalogu kontinwu mal-ġenituri u dawk kollha li jaħdmu fl-iskola. “Ili nisħaq fuq waqfien nazzjonali biex nistħarrġu għaliex tant tfal jaqgħu lura.  Waħda mill-proposti perenjali tiegħi.  Erġajt għamiltha lil kull minn ħabbatli l-bieb għall-pariri.”  

Il-Professur Borg emfasizza li ma nistgħux nitkellmu fuq soċjetà ġusta jekk m’għandniex edukazzjoni ġusta.  It-triq lejn il-ġustizzja soċjali hija twila u mimlija diffikultajiet.  Ħaddieħor wasal.  Prova li għad għandna problemi strutturali li qegħdin jimpeduna milli naslu.  Il-flus mhux kollox.  Hemm bżonn ta’ waqfien għar-riflessjoni, awditjar serju tas-servizzi li qegħdin noffru, demokratizazzjoni tas-soluzzjonijiet, ħidma għalenija bejn l-imsieħba kollha, xogħol interministerjali kontinwu, riċerka u evidenza fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet, kundizzjonijiet aħjar għall-edukaturi kollha, tisħiħ tal-formazzjoni inizjali tal-għalliema u taħriġ tul il-karriera, u finanzjament tal-iskejjel skont ir-realtajiet soċjali u edukativi tagħhom, u ħafna aktar proposti li joħrġu mit-twaħħid tal-esperjenza u l-ħemel ta’ riċerka, li bħala editur ta’ rivista xjentifika konxju li qed tiżdied daqskemm qed tiġi injorata.  

Sport