Wednesday, April 24, 2024

ARA: Persuni maqtulin u oħrajn midrubin f’attakk fuq konvoj umanitarju f’Zaporizhzhia

Aqra wkoll

Mill-inqas 23 persuna sfaw maqtulin u għexieren oħrajn midrubin f’attakk b’rokits fuq konvoj li kien qiegħed iġorr provvisti umanitarji fin-naħa t’isfel tal-Ukrajna.

Il-ħofra kbira fl-art viċin serbut ta’ karozzi fil-belt ta’ Zaporizhzhia tixhed il-vjolenza tal-attakk. Kawża tal-istess attakk, ħġieġ u windscreens ta’ karozzi fiż-żona spiċċaw imfarrkin.

Persuni li salvaw u li kkummentaw mal-midja f’xena ta’ xi katavri, x’aktarx ċittadini mxerrdin fl-art, qalu li jafu min huma wħud minn dawk li tilfu ħajjithom.

Viktoriia Yosypenko qalet li l-imgħallma tagħha hija fost il-vittmi. Taf li kellha żewġt itfal. Spjegat li hija ħalliet il-post fejn waqgħet ir-rokit ftit ħin qabel u mal-isplużjoni dahret lura bil-ġirja. Iżda kulma rat kien il-kafetterija mġarrfa u katavri fost xenarju tal-waħx li żgur mhux se tneħħi minn quddiem għajnejha.

Fir-reazzjoni tiegħu għal dan l-attakk il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li r-Russja hija “terrorista tal-istat”. Huwa żied jgħid li r-Russja sparat 16-il rokit fuq il-belt u wiegħed li dawk responsabbli se jkunu qegħdin ipattu “għal kull Ukren u Ukrena maqtula intortament”.

Il-konvoj safa milqut waqt li persuni kienu qegħdin jippreparaw biex jivjaġġaw f’partijiet okkupati mir-Russi sabiex jiġbru lil qrabathom, kif ukoll jwasslu provvisti umanitarji.

Sport