Friday, April 19, 2024

ARA: “Politika li se żżid il-flessibbilità”

Mill-2012 in-nisa fis-servizz pubbliku żdiedu kważi bid-doppju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni  Mario Cutajar waqt li kien qiegħed jagħti dettalji dwar it-tranżizzjoni għar-Remote Working u t-triq ‘il quddiem qal li din il-politika tinkludi 18-il xahar ta tranżizzjoni li għandha taqleb is-sistemi minn teleworking għal waħda ta’ remote working.

Mistoqsi minn talk.mt dwar kemm din il-politika se tgħin biex jiżdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol, Cutajar qal li din il-politika tkompli tibni ma’ inizjattivi oħra bħalma kienu t-teleworking u c-childcare centres. Huwa spjega li mill-2012 lil hawn is-servizz pubbliku żied in-nisa bi kważi d-doppju fejn illum hemm 48 fil-mija tal-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li huma okkupati min-nisa. 

YouTube video

Is-Segretarju Permanenti waqt id-diskors tiegħu qal li sa minn sentejn ilu diġà kien hemm il-ħolma li r-remote working ikun sistema fis-servizz pubbliku, saħansitra qabel daħlet il-pandemija.

Cutajar qal li s-servizz pubbliku għal numru ta’ snin kellu bażi tajba li fuqa seta’ jagħti lill-impjegati tiegħu bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol billi żamm il-polz tal-impjegati. Dan jissarraf f’aktar rieda u xewqa min-naħa tal-ħaddiema li jiffavorixxu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Huwa qal li l-Covid-19 setgħet kienet ta’ theddida, iżda matul dan il-perjodu kellek eluf ta’ ħaddiema tal-gvern li nqalaw b’mod iddixxiplinat mill-uffiċini tradizzjonali li nafu b’hekk din saret opportunità għall-istess ħaddiema.

Dan il-ġurnal staqsa lil Cutajar dwar l-importanza tad-diġitalizzazzjoni f’din il-politika. S’issa sar investiment ta’ aktar minn  €200 miljun fit-teknoloġija biex sal-lum hemm 15-il binja ta’ remote working spaces li tajjeb li jintqal li dawn tlestew qabel il-previst. Sostna li li kieku ma sarx tali investiment bla preċedent kieku s-servizz pubbliku ma kienx ikun kapaċi jibqa’ għaddej bis-servizzi tiegħu mingħajr ebda ilmenti.

Dawn il-working spaces jinkludu kull spazju meħtieġ u jagħti dinjità lill-impjieg fejn fost affarijiet oħra hemm sistemi ta’ internet, printing u kmamar addattati skont l-esiġenzi tal-ħidma fil-post.

Barra minn hekk Cutajar ħabbar li l-mira hija li sal-2023, dawn il-binjiet jirdoppjaw b’firxa akbar ta’ lokalitajiet biex tiżdied l-effiċjenza ta’ din il-politika.

Is-Segretarju Permanenti sostna li biex dan kollu seta’ jkun possibbli kien hemm bżonn pjan sħiħ inkluża data li fiha kellha tibda taħdem din il-politika.

Nhar il-ġimgħa skattat tranżizzjoni ta’ 18-il xahar li se tara li madwar 2,000 ħaddiem reġistrati għat-teleworking se jkunu qegħdin jgħaddu għal remote working.

Minn dan ix-xahar 13-il dipartiment minn diversi ministeri tal-gvern se jkunu qed jaħdmu bir-remote working wara sajf ta’ taħriġ u arranġamenti. Hawnhekk Cutajar qal li filwaqt li din il-politika se tkun qiegħda żżid fil-flessibbilità, il-preżenza fiżika trid tibqa’ biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-impjegati nfushom. 

Din il-politika tindirizza wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. L-istħarriġ li sar wera li sfortunatament kien intilef dan il-bilanċ u b’hekk din il-problema kellha tiġi indirizzata f’din il-politika. F’din il-politika hemm ċar u tond li min ikun bir-remote working ikollu d-dritt tar-right to disconnect. Il-flessibbilità tibqa’ f’idejn il-management u l-ħaddiema biex jaraw li huma jiġu mħarsa filwaqt li ma jkunx hemm impatt fuq is-servizzi li jingħataw il-klijenti.

Sport