Saturday, December 21, 2024

ASSASSINJI POLITIĊI FL-EKWADOR

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Sa ftit qabel il-Covid, l-Ekwador kien magħruf bħala wieħed mill-aktar pajjiżi siguri ġewwa l-Amerika Latina. Kien biss ikun fl-aħbarijiet internazzjonali minħabba li huwa l-akbar esportatur tal-banana ġewwa d-dinja u xejn aktar. Biss, wara li l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż ta’ 18-il miljun ruħ ġiet għarrkuptejha minħabba l-pandemija, l-irwol tal-Ekwador fl-isfera tal-aħbarijiet internazzjonali nbidel kompletament. Dan minħabba li diversi kartelli tad-droga, l-aktar dawk Messikani u Kolumbjani, ħadu vantaġġ mill-ekonomija mfarrka u mill-korruzzjoni lampanti li f’dawn l-aħħar snin iddominat il-politika Ekwadorjana u nfiltraw għaqdiet kriminali lokali. Għal dawn il-kartelli, l-Ekwador jipprovdi wieħed mill-aktar modi favoriti tagħhom għat-traffikar tad-droga li ironikament huwa l-kaxxi tal-banana u l-portijiet Ekwadorjani li għandhom diversi rotot stabbiliti lejn l-Ewropa u pajjiżi oħra sinjuri.

Din l-infiltrazzjoni ta’ dawn il-kriminali internazzjonali ġewwa dan il-pajjiż li kif jindika ismu qiegħed fuq l-ekwatur, waslet għal żieda qawwija fin-numru ta’ assassinji ġewwa fih, numru li din is-sena laħaq kważi t-3,700 li jfisser żieda qawwija ta 70% fuq is-sena l-oħra. Però, is-sitwazzjoni drammatika li jinsab fiha l-Ekwador bħalissa ġiet għall-attenzjoni ta’ kulħadd minħabba l-assassinju ta’ Fernando Villavicencio, politiku maghruf ħafna ġewwa l-Ekwador li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien għaddej bil-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali li appuntu saret ilbieraħ. Villavicencio kien wieħed minn tmien kandidati għall-presidenza tal-Ekwador.

Il-ħajja ġewwa l-Ekwador

L-assassinji ġewwa l-bliet ewlenin Ekwadorjani, speċjalment dawk li għandhom portijiet kbar, saru kważi l-ordni tal-ġurnata. Tant dan huwa l-każ li għal ħafna nies sinjuri kif ukoll kandidati oħra għall-elezzjoni presidenzjali li semmejna fl-introduzzjoni, saret kważi l-prassi li jilbsu ġgieket bullet-proof.

Il-problema ewlenija ġewwa l-Ekwador għandha l-għeruq tagħha fin-numru kbir ta’ nies mingħajr xogħol li hemm. Dawn qegħdin jispiċċaw jingħaqdu mal-għaqdiet kriminali internazzjonali li semmejna aktar ‘il fuq minħabba li jridu jgħixu huma u l-familji tagħhom. Minbarra f’hekk, il-forzi tal-ordni ta’ dan il-pajjiż ma jibdewx mal-milizzji li għandhom il-kartelli kemm f’dak li huwa apparat kif ukoll għan-numru ta’ nies li għandhom impjegati magħhom. Fil-fatt, dan l-aħħar, il-BBC irrapporta numru kbir ta’ vetturi tal-forzi tal-ordni li wieħed jista’ jara abbandunati ġewwa t-toroq minħabba li dawn il-forzi tal-ordni m’għandhomx il-fondi sabiex iżommuhom jaħdmu kif suppost. Sabiex jippruvaw jimmitigaw dawn id-deficits fil-konfront tal-kartelli, l-forzi tal-ordni, li jinkludu kemm il-pulizija u lill-armata, qegħdin jimlew kull triq prinċipali ġewwa dan il-pajjiż b’check points li f’ħafna mill-każi jixbħu ħafna lil dawk f’żoni ta’ gwerra. Dan qiegħed jimla liċ-ċittadini komuni b’ħafna biża’ u tensjoni.

Żgur aktar tal-biża’ minn dawn il-vetturi abbandunati huwa rapport ieħor li deher fuq l-istess stazzjon li semmejna li wera numru kbir ta’ nies maqtula ħafna drabi billi ġewwa mdendla minn xi pont jew imqattgħin biċċa biċċa. Dawn qegħdin jiġu maqtula minħabba ġlied ghat-territorji minn kriminali rivali u sabiex jagħlqu ħalq in-nies komuni għal dak li dawk jistgħu jaraw.

L-assassinji politiċi

Fernando Villavicencio kellu 59-il sena u qabel dahal fil-politika kellu karriera twila fil-ġurnaliżmu u fit-trejdunjoniżmu. Huwa nqatel fl-10 ta’ Awwissu li għadda waqt li kien qiegħed jagħmel meeting pubbliku għall-kampanja presidenzjali tiegħu fil-kapitali Quito. Qiegħed jingħad li huwa nqatel minn assassini mħallsa mit-traffikanti tad-droga għaliex kienu qegħdin jarawh bħala theddida għalihom minħabba li huwa kien ibbaża l-programm elettorali tiegħu fuq it-tindif tal-pajjiż minn dawn it-traffikanti u mill-politiċi korrotti.

Ta’ min jgħid ukoll li l-midja internazzjonali qiegħda tirrapporta li madwar ġimgħa qabel ma ġie maqtul, Villavicencio kien għamel rapport lill-uffiċċju tal-avukat ġenerali fuq allegat każ ta’ korruzjoni fl-industrija taz-zejt, rapport li skond l-istess ġurnalisti internazzjonali seta’ kien mottiv ieħor ghalfejn Villavicencio safa maqtul. Villavicencio kien għamel żmien jagħti konsulenza legali lil kumpaniji ġewwa din l-industrija. Sezzjoni oħra tal-midja internazzjonali qiegħda tgħid li mottiv ieħor possibbli għal dan l-assassinju jista’ jkun gej mill-ġlied li kellu Villavicencio mal-ex President Rafael Correa, ġlied li kien wassal lill-istess Villavicencio jiġi kkundannat għal 18-il xahar ħabs għal diffamazzjoni.

Dan l-assassinju wassal sabiex Guillermo Lasso, il-president prezenti tal-pajjiż, jiddikjara stat ta’ emerġenza ta’ sittin jum ġewwa l-pajjiż. Ironikament, dan Lasso wkoll għadda minn ħafna akkużi ta’ korruzzjoni, tant li ħabbar elezzjoni bikrija sabiex jevita li jgħaddi mill-proċeduri ta’ impeachment.

Villavicencio ma kienx l-uniku politiku li nqatel matul din il-kampanja presidenzjali. Hamest ijiem wara l-qtil ta’ Villavicencio nqatel Pedro Briones, mexxej provinċjali ta’ partit xellugi li kien qiegħed jgħin lill-kandidati tal-partit tiegħu Luisa Gonzalez f’din il-kampanja.

Skont il-midja lokali, l-elettorat Ekwadorjan jinsab xettiku ħafna fuq kemm din l-elezzjoni sejra tkun qiegħda tibdel xi ħaġa għall-aħjar fil-ħajja tan-nies komuni. Il-vulnerabiltà ta’ nies importanti li jiġu ġġustizzjati mill-kriminali żgur sejra tkompli qiegħda żżid hafna tensjoni fost l-Ekwadorjani.

Ekonomija

Sport