‘Il-Mewġa Mamdani’…..tibda tinfirex madwar l-Istati Uniti

….Abdul El Sayed, kritiku ta’ Iżrael jirbaħ l-elezzjoni tad-Demokratiċi f’Michigan

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem rajna dik li qiegħda tissejjaħ il-“Mewġa ta’ Mamdani” tinfirex fl-Istati Uniti. Dan hekk kif Abdul El-Sayed issa qiegħed jimmira li jsir l-ewwel senatur Musulman u dan wara li rebaħ l-elezzjoni primarja tad-Demokratiċi f’Michigan. Hu għamel din ir-rebħa minkejja  tellieqa kkontestata ħafna għal siġġu fis-Senat u li fiha  għeleb rivali appoġġjat mill-‘establishment’ minkejja kampanja ta’ nfiq rekord minn gruppi favur Iżrael li kienu qed ifittxu li jwaqqfuh. Abdul El Sayed, hu kritiku ħafna ta’ Iżrael.  El-Sayed sar l-ewwel kandidat Musulman ta’ partit ewlieni nominat għal siġġu fis-Senat tal-Istati Uniti. Issa se jaffaċċja lir-Repubblikan Mike Rogers fl-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru, f’waħda mill-aktar tiġrijiet importanti għall-kontroll tas-Senat Amerikan.

Iben immigrant Eġizzjan

Ta’ min jgħid  li  Abdul El-Sayed hu t-tabib ta’ 41 sena, iben immigranti Eġizzjani. Hu  kiseb rebħa kbira li ftit kienu jbassru.  Ir-rebħa qiegħda tqajjem kontroversji u diskussjonijiet b’mod partikolari dwar il-Partit Demokratiku. Li hu żgur hu li mewġa ta’ kandidati progressivi li qed isegwu l-passi ta’ Zohran Mamdani fi New York, u li huma impenjati fi kwistjonijiet bħall-ġlidiet tal-klassi tal-ħaddiema f’pajjiż b’inflazzjoni li qed jogħla b’rata mgħaġġla u li qed jikkundannaw l-azzjonijiet ta’ Iżrael f’Gaża — issa laħqet Michigan.

Hu rebaħ b’marġni estremament żgħira, u wara għadd mill-ġdid tal-voti li dam għaddej matul il-lejl, El-Sayed fl-aħħar rebaħ il-primarja Demokratika ta’ Michigan għas-Senat.    Hi rebħa kbira meta tqis li l-forzi tal-partit kienu kontrieh u meta tara l-kritika qawwija li kien jagħmel lil Iżrael, fein kien jisħaq li jrid itemm l-għajnuna militari lil Iżrael. 

Id-domanda hi kif irnexxielu jirbaħ meta

kellu tant forzi kontrieh

Id-domanda li qiegħda ssir hi kif wasal biex rebaħ meta kellu tant forzi kontrieh?  Dan  jiġi spjegat minn żewġ fatturi: il-kariżma personali tiegħu, hekk kif jimmira li jagħmel l-istorja billi jsir l-ewwel senatur Musulman fil-politika tal-Istati Uniti, u r-riħ tal-bidla li qed jonfoħ f’għadd ta’ Stati fl-Istati Uniti.  “L-istorja tiegħi fl-Amerika hija improbabbli daqs kemm tista’ tkun,” qal l-Erbgħa meta sar jaf bir-rebħa tiegħu.

Minkejja dak kollu li wettaq s’issa, El-Sayed issa qed jiffaċċja biċċa xogħol iebsa. Mhux se jkun faċli għal kandidat bil-profil tiegħu li jirbaħ il-votanti ta’ Michigan fit-3 ta’ Novembru li ġej. L-ewwel xogħol tiegħu hu li jgħaqqad partit li nqasam fi tnejn f’din il-kompetizzjoni: 48.5 fil-mija tad-Demokratiċi vvutaw għalih.  Kien hemm imbagħad 47.5 fil-mija li  appoġġjaw lil Haley Stevens, li kienet appoġġjata mill-‘establishement’t tal-partit u l-lobby favur Iżrael. Id-distakk bejniethom kien inqas minn 15,000 vot.

Id-Demokratiċi f’Michigan issa hu maqsumin litteralment minn nofs. Id-diżappunt fost kważi nofs id-Demokratiċi hu kbir. Hemm feriti fondi u li jridu ż-żmien biex jitfejqu.  Biss, konxji minn dan kemm El-Sayed kif ukoll Stevens bdew jaħdmu hekk kif saru magħrufa r-riżultati. Filfatt Stevens li kienet issuġġeriet li El-Sayed wera sinjali ta’ antisemitiżmu, ikkonfermat wara r-riżultat li se tagħmel dak kollu possibbli biex tgħin lid-Demokratiċi jirbħu s-Senat.

Jivvutawlu l-Musulmani….sfidi imma

fost nies oħra

El-Sayed, għalkemm il-kariżma tiegħu tiġbdek, se jkollu jiffaċċja wkoll demografija pjuttost ikkomplikata. Hu ġab vot qawwi  mill-popolazzjoni Musulmana, li bi ħġarha marret tivvota għalih.  Huwa kiseb ukoll appoġġ qawwi miż-żgħażagħ u l-gradwati tal-kulleġġi. Jidher iżda li se jkun qiegħed jiffaċċja sfidi aktar ħorox mal-komunità s-Sewda u l-votanti mingħajr edukazzjoni għolja, li fil-biċċa l-kbira appoġġjaw lir-rivali tiegħu. Ikollu wkoll jikkonvinċi lill-pubbliku li l-kritika lejn il-gvern ta’ Benjamin Netanyahu bl-ebda mod ma tammonta għal konċessjoni għall-antisemitiżmu. Huwa jwieġeb dak it-tħassib b’tweġibiet bħal: “Irridkom tkunu tafu li l-impenn tiegħi għas-sigurtà tagħkom, l-impenn tiegħi għas-sigurtà tal-Lhud, huwa l-istess impenn li għandi għas-sigurtà ta’ wliedi bniet.”

Rebaħ bl-appoġġ ta’ ikoni 

tax-xellug

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax li El-Sayed rebaħ f’Michigan bl-appoġġ ta’ ikoni tax-xellug bħas-Senatur Bernie Sanders u r-Rappreżentant Alexandria Ocasio-Cortez. Għal Ocasio-Cortez, dak li jiġri fi żmien tliet xhur se jkun test utli biex tara jekk hemmx lok għaliha biex tniedi kandidatura Presidenzjali fis-sena 2028. Għa x jekk kandidat ta’ oriġini barranija u b’ideat li sa ftit ilu dehru radikali għall-maġġoranza tal-Amerikani jista’ jirbaħ fi stat  bħal Michigan, jista’ ma jkunx diffiċli għal soċjalista bħalha li tipprova xi ħaġa simili madwar il-pajjiż. It-tweġiba għal dik il-mistoqsija se jkollha tistenna sat-3 ta’ Novembru.

Meqjusa bħala rebħa 

sinifikanti

Ir-rebħa ta’ Abdul El-Sayed fl-elezzjoni primarja tad-Demokratiċi għas-Senat f’Michigan hija meqjusa minn ħafna osservaturi bħala waħda mill-aktar riżultati politiċi sinifikanti tal-elezzjonijiet tal-2026.  Jekk wieħed ikollu janalizza għaliex rebaħ, wieħed se jara li hemm diversi fatturi. M’hemmx dubju li l-kariżma tiegħu hi waħda minn dawn.

Imma apparti dan hu għamel Kampanja minn isfel għal fuq. El-Sayed bena struttura qawwiJA ta’ voluntiera u appoġġ lokali, partikolarment f’Detroit, Dearborn u komunitajiet urbani oħra.

Xi ħaġa li għenitu ħafna kienet li hu irċiweva appoġġ minn mexxejja progressivi bħal Bernie Sanders u Alexandria Ocasio-Cortez, u kkampanja fuq temi bħall-kura tas-saħħa universali, l-affordabbiltà tal-ħajja u l-ġustizzja ekonomika, temi li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj. 

M’hemmx dubju li voti tal-Għarab u l-Musulmani kellhom sehem kbir.  Michigan għandha waħda mill-akbar komunitajiet Għarab-Amerikani fl-Istati Uniti. El-Sayed, li huwa ta’ dixxendenza Eġizzjana, kiseb appoġġ qawwi minn dawn il-komunitajiet, speċjalment wara d-dibattitu dwar il-politika Amerikana lejn il-Gaża.

Jekk kien hemm fatturi li għenuh u ġew favurieh, kien hemm oħrajn li kienu kontrieh. Kien hemm reżistenza kbira mill-‘establishment’ tad-Demokratiċi kontrieh. Ir-rebħa tiegħu seħħet minkejja li gruppi esterni nefqu miljuni ta’ dollari favur l-avversarja tiegħu. Dan wassal għal dibattitu dwar kemm kampanja popolari tista’ tegħleb l-influwenza ta’ finanzi kbar fil-politika.

Taxxi aktar progressivi…is-saħħa bħala dritt…

…tisħiħ tal-unions…akkomodazzjoni affordabbli

Mid-diskors tiegħu hu ċar ħafna li Abdul El-Sayed iqis l-inugwaljanza ekonomika bħala waħda mill-akbar problemi strutturali fl-Istati Uniti. Jitkellem fuq kif id-differenzi kbar fid-dħul u fil-ġid ma jaffettwawx biss il-finanzi tan-nies, iżda wkoll is-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-opportunitajiet tul il-ħajja.

Hu jitkellem dwar taxxi aktar progressivi u jappoġġja li dawk bl-ogħla dħul u ġid iħallsu proporzjon akbar ta’ taxxi sabiex ikun jista’ jiġi ffinanzjat investiment pubbliku.

Jitkellem dwar is-saħħa bħala dritt u jemmen li kura tas-saħħa universali tnaqqas l-inugwaljanza billi tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għall-kura, mhux biss min jiflaħ iħallas.

Jitkellem ħafna dwar l-investiment fl-edukazzjoni u jargumenta li edukazzjoni ta’ kwalità u aktar aċċessibbli hija essenzjali biex jitnaqqsu d-differenzi ekonomiċi bejn il-ġenerazzjonijiet.

Xi ħaġa li jenfasizza ħafna fuqha hi d-drittijiet tal-ħaddiema. Jitkellem dwar pagi ogħla, tisħiħ tal-unions u protezzjoni akbar tal-ħaddiema biex il-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jitqassmu b’mod aktar ġust.

Ma’ dawn ma jonqosx li jitkellem dwar problema li qiegħda tifni lil Istati Uniti u din hi dik ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Hu jara li l-ispiża dejjem tikber tad-djar bħala fattur ewlieni li jżid l-inugwaljanza u jnaqqas il-mobilità soċjali.

El Sayed spiss jagħmel rabta bejn l-inugwaljanza ekonomika u l-inugwaljanza fis-saħħa. Skontu, komunitajiet foqra għandhom rata akbar ta’ mard kroniku, għomor iqsar u aċċess aktar limitat għal servizzi essenzjali. Għalhekk, isostni li politika ekonomika hija wkoll politika tas-saħħa pubblika.

B’mod ġenerali, El-Sayed jargumenta li ekonomija aktar ugwali twassal għal soċjetà aktar b’saħħitha, aktar stabbli u b’aktar opportunitajiet għal kulħadd, filwaqt li jqis li l-konċentrazzjoni estrema tal-ġid u d-dħul għandha effetti negattivi fuq id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport