Hekk kif ilbieraħ kompla l-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, instemgħu aktar recordings ta’ konverżazzjonijiet bejn Melvin Theuma, deskritt bħala l-middleman f’dan id-delitt, u l-akkużat.
Il-ħlasijiet lill-aħwa George u Alfred Degiorgio u l-isforzi biex dawn jibqgħu kwieti kienu fost it-temi ewlenin fix-xhieda ta’ Theuma. Huwa xehed li wara l-qtil kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa Degiorgio sodisfatti u jevita li jitkellmu, iżda sostna li maż-żmien it-talbiet għall-flus saru piż dejjem akbar.
Fost l-ammonti li ssemmew kien hemm €60,000, li Theuma qal li ħallas minn flusu stess lil Mario Degiorgio biex jgħaddihom lis-sieħba ta’ George Degiorgio. Skont Theuma, meta informa lil Fenech b’dan, dan irrimborsah l-ammont.
Ix-xhud qal li kien lest jgħin lill-familja b’affarijiet żgħar, iżda €60,000 kienu wisq għalih. Huwa sostna li dak iż-żmien kien jemmen li dik it-talba kienet ġejja minn George Degiorgio u mhux minn ħuh Alfred.
Theuma qal ukoll li kien lest iħallas lura lil Fenech b’pagamenti ta’ €5,000 fix-xahar, għax ma riedx jagħti l-impressjoni li kien qed jieħu vantaġġ minnu.
Skont ix-xhud, ir-raġuni għaliex kien tant determinat li jżomm lill-aħwa Degiorgio kwieti kienet li hu kien l-uniku kuntatt tagħhom fil-pjan tal-qtil.
Theuma sostna li l-aħwa Degiorgio saru jafu bl-isem ta’ Yorgen Fenech biss aktar tard, permezz tal-aħbarijiet.
Fenech kien iwissih biex joqgħod attent bil-mobile
Ir-recordings komplew juru wkoll it-tħassib dwar il-komunikazzjonijiet. F’parti minnhom, Fenech jinstema’ jwissi lil Theuma biex joqgħod attent bit-telefon. Theuma qal lill-Qorti li dak iż-żmien kien qed juża l-WhatsApp u li Fenech kien spiss iwissih biex joqgħod attent kif juża l-mobile tiegħu.
Mistoqsi fejn kien jaħbi l-apparat li bih kien jirrekordja, Theuma qal li normalment kien iżommu fil-kalzetta jew fil-bieba tan-naħa tax-xufier.
F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jgħid li kien hemm bżonn issir “ftit pressjoni” fuq Mario Degiorgio biex dan ma jitkellimx.
Aktar tard fl-istess konversazzjoni, Fenech jinstema’ jgħid lil Theuma: “Irridu nkomplu b’ħajjitna.”
Theuma spjega wkoll parti minn recording fejn hu stess jinstema’ jgħid lil Fenech li, kieku kien fil-pożizzjoni tiegħu, kien jagħmel minn kollox biex isib soluzzjoni, anke billi jkellem lill-Prim Ministru.
Meta l-Prosekutur Godwin Cini staqsieh għaliex kien qal hekk, Theuma wieġeb li kien iqis lil Joseph Muscat bħala persuna b’saħħitha politikament u li Fenech kien jgħidlu li taħt Gvern Laburista kien “sod” u li ħadd ma seta’ jmissu.
Madankollu, fir-recording Fenech ma qabilx mal-idea li jkellem lil Muscat u jinstema’ jgħid li dan kien ikun “l-akbar żball ta’ ħajti.”
F’konversazzjoni oħra, Theuma qal li Fenech kien jippreferi li ma jiddaħħlux aktar nies fil-kwistjoni u li kollox jibqa’ bejniethom.
Skont Theuma, Fenech kien diġà qallu li kien għamel żball u li jekk imur jitlob l-għajnuna tal-Prim Ministru, dan kien ikun “żball triplu.”
Fost l-aktar dikjarazzjonijiet b’saħħithom, Theuma qal li Fenech kien jammetti miegħu li kien ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Meta Cini staqsieh jekk qattx sema’ lil Fenech jirreferi għalih innifsu bħala l-persuna ewlenija wara l-assassinju, Theuma wieġeb fl-affermattiv.
Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li kien “ħawwad kollox” u li allegatament kien ħallas biex Daphne tinqatel.
Theuma qal ukoll li Johann Cremona kien jgħidlu li Fenech ma riedx lil Daphne “madwaru”.
Il-laptop ta’ Daphne reġa’ ssemma fir-recordings.
Theuma qal li dak iż-żmien kien jaf, flimkien ma’ Fenech, li l-apparat kien f’idejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u ammetta li kien jibża’ minn dak li setgħu jsibu l-investigaturi.
Skont ix-xhud, Fenech kien jemmen li l-laptop seta’ jwassal lill-investigaturi lejn diversi persuni u joħloq aktar dubji dwar min seta’ kellu motiv biex jagħmel ħsara lil Daphne.
Theuma qal li Fenech kien jitkellem dwar madwar “300 persuna” li, skontu, kienu jissemmew fil-laptop u setgħu kellhom motiv.
Madankollu, Theuma qal li l-akbar biża’ tiegħu ma kinitx il-laptop iżda li l-aħwa Degiorgio jitkellmu.
Fenech, skont Theuma, kien jgħid li dak kollu li seta’ joħroġ mil-laptop kien diġà ħareġ.
Jidher emozzjonat waqt li jitkellem dwar Fenech
Lejn tmiem is-seduta ta’ filgħodu, Theuma beda jidher aktar emozzjonat hekk kif il-Prosekuzzjoni staqsietu dwar il-ħlas ta’ €60,000 lil Mario Degiorgio.
Theuma qal li l-ħlas sar fil-garaxx ta’ Johann Cremona f’Ħal Qormi.
Hekk kif tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Fenech, ix-xhud beda jgħolli leħnu u qal: “Għext ħajti miegħu.”
Huwa sostna li Fenech kien jgħidlu li, jiġri x’jiġri, kienu se jgħaddu minnha flimkien.
Il-Prosekuzzjoni talbitu jikkalma u joqgħod attent għal leħnu hekk kif kompla jixhed.
Il-ġuri jkompli

