Id-Deputat President tal-Kamra tal-SMEs Philip Fenech qal li l-fatt li diġà ngħataw aktar minn 500 multa fuq il-post, dan minnu nnifsu jibgħat messaġġ b’saħħtu ta’ dixxiplina lil dawk it-turisti żgħażagħ meqjusa “storbjużi” li jżuru Malta matul il-vaganzi tas-sajf waqt li l-iskejjel ikunu magħluqin.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Sur Fenech innota li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ, li ġeneralment ikollhom bejn is-17 u l-20 sena, ikunu ’l bogħod mis-superviżjoni tal-ġenituri għall-ewwel darba. Qal li din it-taħlita ta’ indipendenza, it-temp sħun, l-alkoħol u l-kultura ta’ divertiment joħloq ambjent fejn dawk li ma jkollhomx kontroll fuqhom infushom jistgħu malajr jitilfu l-kontroll tas-sitwazzjoni.
Fenech kompla jgħid li b’mod kruċjali, l-implimentazzjoni tal-multi fuq il-post tindirizza nuqqas li kien ilu jeżisti fl-infurzar tar-regoli. Huwa semma’ kif fil-passat, viżitaturi barranin spiss kienu qed jevitaw il-konsegwenzi ta’ ksur minuri tar-regoli, bħalma huma t-tipjip fil-bars jew clubs, ir-rimi illegali ta’ skart, il-ġarr ta’ kontenituri tal-ħġieġ jew alkoħol fit-toroq pubbliku, il-mixi bla flokk u disturbi oħra fl-ispazji pubbliċi. Dan għaliex kienu jirritornaw lejn pajjiżhom ħafna qabel ma setgħet issir taħrika formali quddiem il-Qorti. “B’riżultat ta’ dan, ir-residenti Maltin kienu jispiċċaw iġorru l-akbar piż tal-infurzar,” qal Fenech.
Min-naħa l-oħra, id-Deputat President tal-Kamra tal-SMEs tenna jgħid li l-multi li qed jingħataw fuq il-post qed iġibu bilanċ fl-infurzar tar-regoli, billi jiżguraw li kulħadd jinżamm responsabbli bl-istess mod u jiffaċċja konsegwenzi immedjati, irrispettivament min-nazzjonalità.

