Aktar minn nofs miljun f’rifużjonijiet għat-terapija għal kważi elf applikazzjoni – Rapport Annwali tas-CRPD

Aqra wkoll

Matul l-2025, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD),  ipproċessat 992 applikazzjoni taħt l-Iskema ta’ Rifużjoni għat-Terapija, u ħarġet €581,844 f’rifużjonijiet biex tappoġġja familji ta’ tfal b’diżabilità, irrispettivament mill-istatus tat-taxxa tagħhom.

Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2025 li ġew ippreżentati lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. 

Matul l-2025 ġew irkuprati aktar minn 1,600 Blue Badge skaduti jew użati b’mod illegali, flimkien ma’ rapporti tal-pulizija u affidavits relatati. Dan sabiex jiġi żgurat li l-parkeġġi riżervati għal persuni b’diżabilità jibqgħu disponibbli għal dawk li tassew jiddependu fuqhom.

Barra minn hekk, ġew ikkonfiskati 72 badge foloz, filwaqt li ntbagħtu aktar minn 4,100 ittra lil persuni li kienu għadhom jużaw Blue Badges skaduti. L-uffiċċju tal-infurzar wettaq ukoll 52 spezzjoni wara rapporti ta’ abbuż u pprovdiet 18-il siegħa ta’ taħriġ lil 176 uffiċjal tal-infurzar tal-liġi, sabiex jissaħħaħ l-għarfien u l-infurzar madwar Malta.

Aktar minn 3,700 persuna ħadu sehem fit-taħriġ dwar l-Ugwaljanza tad-Diżabilità organizzat mis-CRPD matul l-2025. Dawn is-sessjonijiet, immexxija minn trainers b’esperjenza diretta tad-diżabilità, kienu mmirati biex isaħħu l-għarfien dwar id-diżabilità u jippromwovu kultura aktar inklużiva fi skejjel, entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet privati u fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

 “Il-ħidma tas-CRPD tkompli tagħfas fuq oqsma differenti, mhux biss fil-kuntatt mal-pubbliku fejn jidħlu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, iżda wkoll permezz tas-servizz ta’ rifużjoni għal terapiji li l-Gvern ikompli jsaħħaħ”, sostniet il-Ministru Julia Farrugia.

 “L-2025 kienet sena ta’ progress u kollaborazzjoni. Filwaqt li ħafna mill-ħidma tagħna ssir minn wara l-kwinti, ir-riżultati juru d-differenza, fejn qed isir infurzar konsistenti, ħidma konġunta u promozzjoni kontinwa tad-drittijiet,” qalet il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland.

Matul l-2025, ġew ipproċessati wkoll 467 talba relatata ma’ allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità. Minn dawn, 71 fil-mija kienu marbuta mal-aċċessibbiltà fiżika. Il-Kummissjoni pprovdiet pariri lill-pubbliku, wettqet spezzjonijiet fuq il-post u intervjeniet f’każijiet li wasslu għal titjib fl-aċċessibbiltà u għal riżultati aktar ġusti f’għadd ta’ każijiet relatati mal-edukazzjoni, l-impjiegi u l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi.

Ġew ukoll eżaminati 2,668 applikazzjoni għall-ippjanar, fejn 57 fil-mija minnhom instabu konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà. Fl-istess żmien, twettqu wkoll 165 spezzjoni fuq il-post biex tivverifika l-konformità mal-linji gwida Access for All Design.

Lil hinn mill-funzjonijiet operattivi tagħha, is-CRPD kompliet taħdem fuq il-promozzjoni tad-drittijiet permezz ta’ kampanji nazzjonali ta’ għarfien, taħriġ fil-Lingwa Faċli (Easy Language), kif ukoll billi kkontribwiet għal emendi leġiżlattivi bil-għan li l-inklużjoni tkompli tiġi integrata fil-politiki u s-servizzi.

Fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni kkonkludiet il-proġett E.A.S.E., li għen lill-fornituri tas-servizzi jadottaw prattiki ta’ Lingwa Faċli (Easy Language), filwaqt li kompliet taħdem fuq inizjattivi li jippromwovu l-inklużjoni taż-żgħażagħ awtistiċi u jsaħħu l-aċċessibbiltà ambjentali.

Matul l-2025, is-CRPD kompliet ukoll tespandi l-forza tax-xogħol tagħha u timmodernizza s-sistemi interni tagħha. Mid-49 impjegat tagħha, kważi nofshom huma persuni b’diżabilità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport