It-Tnejn filgħodu, f’Marsaxlokk saret il-quddiesa u ċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajjieda bi tħejjija għall-istaġun tal-lampuki. Iċ-ċerimonja, immexxija mill-Kanonku Dun Roderick Baldacchino, tibqa’ waħda mit-tradizzjonijiet ewlenin tal-komunità tas-sajd u timmarka l-bidu ta’ staġun importanti għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Għall-attività attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, flimkien ma’ sajjieda, il-familji tagħhom, rappreżentanti tas-settur tas-sajd u membri tal-komunità ta’ Marsaxlokk.
Fil-ġimgħat li għaddew, is-sajjieda lestew il-preparamenti tagħhom għall-istaġun, fosthom il-preparazzjoni tal-kannizzati bil-weraq tal-palm. Din it-teknika tradizzjonali, żviluppata minn sajjieda Maltin u Għawdxin, tintuża biex tattira l-lampuka, li tfittex id-dell tal-kannizzati waqt li żżomm qrib il-wiċċ tal-baħar fond. Bħala parti mill-appoġġ kontinwu lis-settur, il-Gvern qassam ukoll il-weraq tal-palm meħtieġa għal dawn il-preparamenti.
L-istaġun tal-lampuki jibda uffiċjalment fil-15 ta’ Awwissu, skont ir-regolamenti Ewropej ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), u jkompli sal-aħħar tas-sena. Qabel il-ftuħ tal-istaġun, id-dgħajjes u l-bastimenti jiġu mgħammra bil-kannizzati, ġebel, palm u ċimi li jitqiegħdu f’pożizzjonijiet allokati mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, “Din it-tradizzjoni tfakkarna fil-valur tas-sajjieda tagħna u fil-kontribut li jagħtu kuljum lill-ekonomija, lis-sigurtà tal-ikel u lill-identità marittima ta’ pajjiżna. Il-Gvern se jkompli jkun qrib is-settur biex niżguraw li din it-tradizzjoni tibqa’ b’saħħitha, sostenibbli u tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.”
Il-lampuka tibqa’ waħda mill-aktar prodotti tas-sajd mistennija mill-familji Maltin u Għawdxin matul ix-xhur tas-sajf, filwaqt li l-istaġun tagħha jkompli jsaħħaħ kemm il-patrimonju gastronomiku kif ukoll dak kulturali ta’ Malta.

