Mixli li tajjar mara fil-Ħamrun 

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 23 sena tressaq fil-Qorti mixli li fis-7 t’Awwissu saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assigurazzjoni, kif ukoll li saq b’mod perikoluż u li kkawża ġrieħi gravi lil mara.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif ir-Roads Policing Unit kienu rċevew telefonata dwar persuna li kienet intlaqtet minn vettura fil-Ħamrun. Il-vittma ngħatat l-ewwel għajnuna u ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn kienet iċċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Pulizija rnexxiela tasal għas-sewwieq u rriżulta li dan kien f’Malta b’mod illegali. Intqal ukoll li l-imputat kellu sentenza tal-Qorti mogħtija f’Awwissu 2025 u ma kienx irritorna l-Bulgarija, minkejja li kien ipprojbit milli jidħol f’dak il-pajjiż.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u sostniet li l-inċident seħħ b’mod involontarju. Qalet li l-akkużat ma jafx lill-vittma u għaldaqstant m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-vittma għadha fl-ITU u għad trid tixhed. Sostniet ukoll li l-akkużat m’għandux dokumenti u lanqas residenza fissa.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-biża’ li l-akkużat jista’ jaħrab fost oħrajn. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nathan Bugeja.

L-imputat kien assistit mill-Avukati Franco Debono, Fleur Abela u Eman Scicluna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport