IS-SIGURTÀ FIL-BAJJIET F’MALTA U F’GĦAWDEX

Aqra wkoll

Ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf u għalhekk bħalma wieħed jista’ jara ta’ kuljum, il-bajjiet u x-xtajtiet madwar pajjiżna prattikament qed ikunu ffullati bin-nies. 

Dan billi, is-sajf Malti huwa wieħed sħun u anke bit-tibdil fil-klima qed ikompli jsir aktar sħun. Għalhekk mingħajr dubju l-Maltin u anke t-turisti li jżuruna jibqgħu jfittxu l-għawm sal-aħħar tal-istaġun jekk mhux anke wara. 

Dan iwassalna ngħidu illi aktar ma l-bajjiet ikunu ffullati, jikber aktar ir-riskju ta’ inċidenti żgħar u oħrajn aktar serji.  Għalhekk jeħtieġ aktar attenzjoni biex l-inċidenti jonqsu kemm jista’ jkun. L-awtoritajiet ħadu ħsieb dan billi kontinwament, permezz ta’ kampanji u metodi oħra, jinsistu għas-sigurtà fil-baħar. 

Nistgħu ngħidu li ta’ kull sajf naraw kampanji annwali minn Transport Malta, li jkunu immirati li joħolqu għarfien marittimu, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, fejn eluf ta’ Maltin f’dawn iż-żminijiet jagħmlu attivitajiet sportivi jew ta’ divertiment fil-baħar. 

Dan ma jgħoddx biss għall-aċċidenti imma wkoll dak li jfittxu rikreazzjoni ħdejn il-baħar għandhom ukoll joqogħdu attenti għas-sinjali ta’ baħar imqalleb u kurrenti qawwija. Għaldaqstant minkejja li kulħadd għandu d-dritt li jgawdi x-xtajtiet, jeżisti wkoll l-obbligu li nipproteġu lilna nfusna u lil xulxin.

Huwa obbligu tagħna wkoll li nżuru l-bajjiet, partikolarment dawk imrammlin, illi ma nkunux ta’ riskju għal ħaddieħor billi narmu oġġetti fir-ramel. Dan aktar u aktar meta l-bajjiet tagħna huma miżgħudin b’reċipjenti tal-iskart fejn għandhom jintremew dawn l-affarijiet. B’hekk inkunu mhux biss qed nipproteġu lil ħaddieħor imma lilna wkoll għaliex l-inċidenti jistgħu jiġru lil kulħadd.

Nemmnu f’sens ċiviku minn kulħadd u b’dan il-mod jiġu segwiti r-regolamenti u b’hekk nevitaw ħafna mill-inċidenti li jistgħu jseħħu bi traskuraġni. L-appell jibqa’ dak li s-sigurtà kemm fuq il-baħar u anke fuq ix-xtajtiet għandha tkun prijorità biex l-esperjenza ta’ ħdejn il-baħar tibqa’ tkun waħda sana u ħielsa mil-perikli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport