Melvin Theuma mistenni jerġa’ jitla’ fuq il-pedana llum hekk kif ix-xhieda tiegħu tidħol fir-raba’ jum konsekuttiv, wara sigħat ta’ recordings sigrieti, allegazzjonijiet dwar informazzjoni li kienet tasallu minn ġewwa l-Pulizija u dettalji dwar il-flus li jgħid li baqgħu jingħataw lill-aħwa Degiorgio wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech jidħol illum fis-36 jum tiegħu, b’Melvin Theuma mistenni jkompli jixhed għar-raba’ jum konsekuttiv quddiem l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati.
Ix-xhieda tal-middleman ilha tiddomina l-proċeduri għal diversi seduti, hekk kif il-Prosekuzzjoni qed tgħaddi lill-ġurati recording wara l-ieħor ta’ konversazzjonijiet li Theuma kien għamel bil-moħbi ma’ Fenech fix-xhur ta’ qabel l-arrest tagħhom.
Ilbieraħ, parti sostanzjali tax-xhieda ffukat fuq il-flus li Theuma jgħid li baqa’ jgħaddi lill-aħwa Degiorgio, kif ukoll fuq il-pressjoni li sostna li beda jħoss hekk kif it-talbiet finanzjarji komplew jiżdiedu.
Theuma qal li kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa George u Alfred Degiorgio kwieti u jevita li jitkellmu, u semma fost oħrajn ħlas ta’ €60,000 li qal li ħareġ minn butu qabel ma ġie rrimborsat minn Fenech.
Skont Theuma, huwa kien l-uniku kuntatt dirett tal-aħwa Degiorgio fil-pjan tal-qtil u għalhekk kien iħossu taħt pressjoni biex iżomm ir-relazzjoni magħhom u l-ħlasijiet għaddejjin.
Theuma jgħid li kien avżat dwar interċettazzjoni tal-mobile. Fost l-aktar punti li spikkaw fis-seduta tal-bieraħ kien hemm ix-xhieda ta’ Theuma li Johann Cremona kien wissieh li l-mobile tiegħu kien qed jiġi interċettat u tah parir biex jibdlu.
Meta l-Prosekuzzjoni staqsietu minn fejn, skontu, kienet ġiet dik l-informazzjoni, Theuma semma lil Keith Schembri.
Theuma qal ukoll li f’recording ieħor kien talab lil Fenech jistaqsi lil Schembri dwar investigazzjoni li kienet għaddejja fuqu. Skont ix-xhud, Fenech kien wieġbu li l-investigazzjoni kienet “mejta”, iżda Theuma qal li xorta kien iħoss li l-arrest tiegħu kien qrib.
Silvio Valletta u laqgħat ma’ Fenech L-isem tal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta reġa’ deher fir-recordings.
Theuma qal li wieħed mill-awdjo kien jirreferi għal żmien meta Valletta kien imur jiltaqa’ ma’ Fenech f’Portomaso u li, skontu, kienu jiltaqgħu biex jixorbu whisky u jitkellmu.
Dawn ir-referenzi ġew fl-isfond ta’ allegazzjonijiet preċedenti ta’ Theuma li Fenech kien jirċievi informazzjoni dwar l-investigazzjoni.
Il-laptop ta’ Daphne u l-biża’ li jitkellmu d-Degiorgios
Theuma kompla jitkellem ukoll dwar il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, u qal li Fenech kien jemmen li dan seta’ jwassal lill-investigaturi lejn diversi persuni u joħloq aktar konfużjoni dwar min seta’ kellu motiv.
Madankollu, Theuma qal li hu personalment kien aktar imħasseb li l-aħwa Degiorgio jitkellmu milli minn dak li seta’ joħroġ mil-laptop.
F’recordings oħra, Fenech instema’ jwissi lil Theuma biex joqgħod attent bil-mobile u, f’okkażjoni minnhom, jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ “ftit pressjoni” fuq Mario Degiorgio biex ma jitkellimx.
Problemi bil-kwalità tar-recordings
Lejn tmiem is-seduta tal-bieraħ, il-kwalità ta’ xi recordings wasslet għal argumenti bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża.
Xi awdjo tant kien diffiċli biex jinftiehem li Theuma stess qal li ma setax jiddistingwi x’kien qed jingħad. Peress li għal ċerti recordings ma kien hemm l-ebda transcript uffiċjali, l-Imħallef wissiet lill-Prosekuzzjoni biex ma tissuġġerixxix lix-xhud x’seta’ nstema’.
Il-Qorti qablet ukoll li jsir tentattiv biex titjieb il-kwalità ta’ ċerti recordings qabel is-seduta tal-lum, filwaqt li l-Imħallef irrimarkat li kien hemm biżżejjed żmien biex jitħejjew transcripts.
Illum, għalhekk, il-ġurati mistennija jerġgħu jisimgħu lil Melvin Theuma hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli timxi tul il-kollezzjoni estensiva ta’ recordings u titlob lix-xhud jagħti l-kuntest għal dak li jinstema’ fihom.

