Ftit aktar minn wieħed minn kull ħames passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Lulju vjaġġaw minn jew lejn l-Italja. Is-suq Taljan qabeż lil dak Ingliż fil-popolarità għall-ewwel darba minn Frar hekk kif kien hemm żieda fil-postijiet disponibbli fuq diversi rotot għax-xhur tas-sajf.
Il-Polonja baqgħet l-aktar suq fil-Lvant tal-Ewropa b’netwerk ta’ titjiriet b’saħħtu ma’ Malta, bin-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn u lejn dan is-suq jiżdied bi kważi 50 fil-mija f’Lulju.
Is-suq Ġermaniż u dak Franċiż ikklassifikaw fir-raba’ u l-ħames post rispettivament, bis-suq tal-ewwel jirreġistra tnaqqis marġinali fit-traffiku tal-passiġġieri u dak tal-aħħar jirreġistra tnaqqis ta’ 5.1 fil-mija. Din kienet l-ewwel darba dan is-sajf li l-Ġermanja u Franza ma kisbux riżultati pożittivi, primarjament minħabba numru ta’ titjiriet operati bi frekwenza mnaqqsa lejn dawn iż-żewġt iswieq.
Is-seat load factor (SLF) ta’ Lulju laħaq is-87.6 fil-mija, persentaġġ li jindika utilizzazzjoni għolja tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minkejja żieda ta’ 17.4 fil-mija fl-istess postijiet. Dan it-tkabbir kien primarjament riżulatat ta’ żieda fil-movimenti tal-ajruplani, bil-gżejjer Maltin jibbenefikaw minn medja ta’ 108 titjiriet kuljum matul ix-xhur tas-sajf.
F’Lulju, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ kważi 1.2 miljun passiġġier.

