Ċentru ġdid għall-edukazzjoni bikrija Seba’ Sema f’Kull Staġun, fetaħ il-bibien tiegħu u ser ikompli jsaħħaħ is-servizzi offruti lit-tfal u lill-familji. Iċ-ċentru ser jipprovdi ambjent sigur, inklużiv u ffukat fuq l-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla sa minn età bikrija.
Iċ-ċentru, li jilqa’ tfal bejn it-3 xhur u t-3 snin, għandu kapaċità ta’ 30 tifel u tifla u jifforma parti mill-Iskema ta’ Childcare bla ħlas tal-Gvern. Permezz ta’ tim ta’ professjonisti, ser ikun qiegħed jibda t-triq edukattiva tat-tfal, filwaqt li jservi ta’ appoġġ għall-ġenituri.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar dan iċ-ċentru fil-ftuħ tiegħu u qal kif kien dan il-Gvern li introduċa ċ-Childcare mingħajr ħlas u li sal-lum gawdew minnu eluf ta’ familji u qegħdin igawdu eluf oħrajn. Spjega li llum iċ-childcare sar parti mill-vjaġġ edukattiv tat-tfal.
“L-ewwel snin tal-ħajja huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla. Għalhekk irridu nkomplu ninvestu f’servizzi ta’ kwalità li mhux biss jipprovdu l-aqwa ambjent, iżda wkoll ambjent li joffri tagħlim, jinkoraġġixxi l-kreattività, l-indipendenza u l-kunfidenza sa minn età bikrija. Fl-istess waqt, dawn is-servizzi jibqgħu sostenn importanti għall-familji u għall-ġenituri li jaħdmu,” qal il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha, is-sid taċ-ċentru, Marilyn Meli, qalet li l-viżjoni ta’ Seba’ Sema f’Kull Staġun hija li toffri ambjent ta’ daqs iżgħar, fejn kull tifel u tifla jħossu sigur, apprezzat u mħeġġeġ jiżviluppa bil-pass tiegħu. Hija qalet li l-għan huwa li jinħoloq “dar ’il bogħod mid-dar”, fejn il-ġenituri jħossuhom appoġġjati u kunfidenti li wliedhom qed jirċievu kura, edukazzjoni u attenzjoni tal-ogħla kwalità. Hija saħqet li, fejn jidħlu t-tfal, m’għandu jkun hemm l-ebda kompromess fil-livell tal-kura, l-edukazzjoni u l-imħabba li jingħataw.
F’dan iċ-ċentru t-tfal mhumiex esposti għall-iscreens, bil-għan li t-tfal ikunu mħeġġa jitgħallmu b’esperjenzi reali, il-logħob u billi jesploraw. Barra minn hekk, huwa mibni madwar kunċett uniku ispirat mill-erba’ staġuni, b’kull spazju jirrifletti staġun differenti u joffri esperjenzi edukattivi adattati għall-età u l-iżvilupp tat-tfal. Il-ġenituri jibqgħu wkoll infurmati matul il-ġurnata permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni li tipprovdi aġġornamenti kontinwi dwar l-esperjenzi u l-progress tat-tfal.

