Il-każ fejn ġiet ikkanċellata titjira fil-Kanada wara li tifel irrifjuta li jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà reġa’ qajjem dibattitu dwar l-etikett u l-proċeduri tas-sigurtà relatati mat-tfal li jivvjaġġaw bl-ajruplan.
It-titjira tal-Porter Airlines, li kienet qed tħejji biex titlaq minn Victoria lejn Toronto fis-6 ta’ Awwissu, kellha tirritorna lejn it-terminal minħabba li, skont il-linja tal-ajru, “tifel żgħir kien wieqaf fuq is-seat tiegħu u ma riedx jorbot iċ-ċinturin tas-sigurtà”.
Dan id-dewmien fisser li t-titjira ma setgħetx titlaq qabel ma r-runway għalqet wara nofsillejl, u għalhekk il-passiġġieri kellhom jiġu bbukkjati mill-ġdid fuq titjira l-għada.
L-inċident qanqal diversi reazzjonijiet min-nies dwar kif għandhom jiġu trattati t-tfal f’sitwazzjonijiet bħal dawn u kif il-linji tal-ajru għandhom jirreaġixxu.
Dwar l-imġiba tat-tifel, Porter Airlines qalet li “l-attentati mill-ġenitur li kien qed jakkumpanjah u mill-ekwipaġġ biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ma rnexxewx”.
“L-ajruplan ma setax jitlaq f’din il-kundizzjoni mhux sigura, għalhekk l-ekwipaġġ iddeċieda li jirritorna lejn it-terminal u jniżżel liż-żewġ passiġġieri,” żiedet tgħid il-linja tal-ajru.
L-esperta dwar is-sigurtà tat-tfal fl-avjazzjoni, Lia Tuso, qalet lill-BBC li l-ekwipaġġ kien qed jipproteġi s-sigurtà tal-passiġġieri kollha abbord bid-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf it-titjira, kif ukoll is-sigurtà tat-tifel.

