Il-grotta ta’ San Pawl fil-Foss Ruman….u l-permessi għall-pixxini fir-Rabat Sacrum…li se jkunu jfissru l-qerda tiegħu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Forsi ftit minnkom hawn min jaf li parti mill-foss l-antik ta’ l-Imdina, jiġifieri dak qabel iċċekknet għadu jeżisti. Dan jinsab wara l-Bażilika ta’ San Pawl. Hu post mimli fdalijiet arkeoloġiċi. Għar-Rabtin dan il-post hu meqjus bħala sagru, għax fih hemm il-Grotta ta’ San Pawl. Timmaġinaw li xi ħadd imur juri dan il-foss lil turisti jew persuni oħra u f’nofs flok tara l-veġetazzjoni li hemm illum, tara pixxini għall-għawwiema? Immaġinaw tmur Ruma u tara pixxina f’nofs post sagru. Lil hinn minn dan, l-għoti ta’ permers ta’ dawn il-pixxini qiegħed jinkwieta u jħasseb lil bosta Rabtin, li qegħedin jiddeskrivu dak li hemm ippjanat li jseħħ u li għalih ħarġu l-permessi, bħala li se jeqred il-Foss Ruman.

IT-TORĊA fl-aħħar jiem tkellmet ma’ diversi persuni li jinsabu mħassbin b’dawn il-ħruġ ta’ permessi. Inkwetati l-aktar għax huma jaraw li dan it-tali żvilupp se jeqred kompletament il-karatteristiċi ta’ dan il-post uniku.

Persuni li tkellimna magħna qalulna li “f’Ruma jmorru għadd kbir ta’ turisti jaraw il-Bażilika li hi marbuta ma’ San Pawl, magħrufa aħjar bħala San Paolo Fuor le Murta. Fost dawn it-turisti insibu Maltin li għandhom ix-xorti u l-fervur li jsejħu lil San Pawl missierhom. Min ma jħossx dan fil-fond ta’ qalbu bħala Rabti li nafu t-twemmin tagħna lil dan l-appostlu li għex magħna ħewwa r-Rabat għal tlett xhur iħabbrilna u jxandar lil Kristu? Dan is-sens u l-ġibda li aħna r-Rabtin għandna lejn il-post qaddis fejn l-Appostlu Missierna għex magħna f’wieħed mill-għerien fil-Foss Ruman, ‘lfuq minn elfejn sena ilu għadu jiġbidna lejh sal-ġurnata ta’ llum. Bħala ċittadin Ruman għalkemm kien priġunier, ħadd ma żammu li jterraq u jxandar il-Bxara t-Tajba bil-qawwa u bil-ħeġġa fost missirijietna li kienu jgħixu f’dawn l-inħawi u barra fil-Belt antika rumana Melitae.”

Ikomplu li “b’xorti tajba għad baqgħalna parti żgħira mill-Foss Ruman fejn kien priġunier u jimxi fih Missierna San Pawl. Kien hawn li l-Maltin ressqulu lill-morda tagħhom biex ifejjaqhom. Kien hawn li l-Maltin tgħammdu minn idejn dan il-Qaddis kbir li bħal San Pietru hu meqjus kolonna tal-Knisja Kattolika. Kien xokk kbir meta smajna u sirna nafu li f’dan il-Foss Ruman fejn San Pawl iltaqa’ għall-ewwel darba mar-Rabtin u għammidhom bl-istess ilma tas-sistema Rumana, se jinbnew żewġ pixxini bil-permess, liema permess inħareġ mill-awtoritajiet u mill-pinna ta’ numru żgħir ta’ persuni, li aħna konvinti moralment li jridu jeqirdu dan il-post  sagru. Dan mhux biss tal-mistħija iżda nikkunsidrawh sagrileġġ aħna r-Rabtin. Hekk se nżommuh u nistmawh dan il-post fejn niftaħru li għex Missierna San Pawl u għamilna nsara?  Dan il-post uniku li jagħtina identità għandu jkun miżmum u mogħti d-dinjità li jixraqlu. X’jiswa li eluf ta’ eluf ta’ turisti jiġu kuljum iżuru l-Grotta ta’ San Pawl meta mbagħad jinħarġu permessi għal żvilupp li se jeqred dan is-sit, jiġifieri lill-Foss Ruman, li aħna r-Rabtin bir-raġun kollu nsejħulu il-Foss ta’ San Pawl.”

Tkun tal-mistħija li nħallu

l-Foss Ruman jinqered

Enfasizzaw li  “l-festa ta’ San Pawl għadha kif għaddiet b’ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ. Iżda jlun tal-mistħija, nerġa’ ntenni jekk inħallu l-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ pixxini u ħsara oħra rreversibbli li nafu bihom u ħarġu l-permessi biex jagħmluhom.   Il-Kunsill Lokali Rabti u d-diriġenti Pawlini se jħallu dan isir li se jkun il-bidu ta’ skandli oħra li għalihom ġew mogħtija l-permessi biex isiru f’dan il-post sagru?  F’temp qasir jispiċċa l-Foss Ruman u l-istorja ta’ Malta nisranija. Min se jieħu responsabbilità ta’ dan kollu li hemm miktub li se jsir, flimkien ma’ żviluppi oħra fl-istess sit?

“Ġewwa Ruma għadhom jġeddu l-wasal ta’ San Pawl fuq Via Appia u jfakkru fost ħafna ferħ il-miġja tiegħu ġewwa l-Belt Eterna. Il-Foss Ruman għalina r-Rabtin hu l-Via Appia tagħna għax mhux biss iltqajna ma’ Missierna San Pawl f’dan is-sit iżda ukoll għax għex f’wieħed mill-bosta għerien eżistenti li jagħmel mill-Foss Ruman post sagu. Dan hu r-Rabat Sacrum, jiġifieri il-Grotta ta’ San Pawl jew aħjar il-ħabs ruman ġewwa r-Rabat fejn San Pawl għex magħna qabel salpa għal Ruma fejn kellu jidher quddiem Ċesri.

Mal-wasla tiegħu f’Ruma San Pawl ittieħed fil-ħabs ta’ Mamertino fejn  ħassu waħdu, għax kienu bosta li telquh waħdu. Jekk il-ħabs ta’ Mamertino hu lok daqshekk importanti ġewwa Ruma bl-istess mod għandu jkun il-ħabs Ruman fir-Rabat jiġifieri l-Grotta ta’ San Pawl. Proprju hawnhekk f’dan is-sit protett u skedat se jiġu mibnijin bil-permess dawn iż-żewġ pixxini, li taħthom għaddejjin il-passaġġi Rumani tal-Ilma. Jingħad li b’dan l-ilma San Pawl għammed lill-ewwel Insara Maltin.” 

Kemm se ndumu aljenati u ma 

niddefendux dak li hu tagħna?

Itennu li “tant hu hekk li l-bir li jinsab fuq iz-żuntier tal-Parroċċa tar-Rabat jissejjaħ il-Bir Sagru. Kemm se ndumu aljenati u ma niddefendux dak li hu tagħna r-Rabtin u dak li jagħtina l-isbaħ identità. Ejjew ma naqgħux fl-indifferenza. Bejn dawk li jridu jistagħnew fuq dawn l-iżviluppi f’dan is-sit u dawk li jridu jżommu l-identità tar-Rabat u l-kultura għanja tiegħu hemm baħar x’jaqsam.  Nistaqsu m’għandha xejn x’tgħid Din l-Art Ħelwa u dak li aħna qegħdin niddeskrivuh bħala l-iskandlu li se jsir fil-Foss Ruman?”.

Nistennew li l-awtoritajiet

Ekkleżjastiċi jitkellmu

Dawk li tkellimna magħna sostnew li “nistennew li l-Awtorità Ekkleżjastika għandha titkellem fuq il-valur kbir li jgawdi l-Foss Ruman u r-rabta spiritwali nisranija li aħna r-Rabtin għandna miegħu. Parti mill-Foss Ruman li baqa’ tappartjeni lill-Knisja Maltija. Jeħtieġ nifhmu li m’għandna inħallu lil ħadd ineżżgħu mid-dinjità tiegħu u jżarmah minn dak li baqa’ minnu li hu ftit wisq. Lit-turisti qegħdin nuruhom dak li jidher fil-wiċċ bħal ma hi l-Grotta ta’ San Pawl iżda se nħallu min jeqred dak ta’ taħt li lir-Rabat Sacrum iżommu fil-wiċċ.”

Minn Grad A niżżluh

Għal Grad B

Saħqu li “ftit tas-snin ilu, mhux daqshekk fil-bogħod, il-Foss Ruman kien igawdi Grad A. Iżda sfortunatament f’dawn l-aħħar snin konvinti moralment li għall-konvenjenza tal-iżviluppaturi  ġie maqsum fi tnejn. Liż-żewġ taqsimiet tawhom Grad B. B’hekk naqsulu l-valur storiku ambjentali u arkeoloġiku. Din id-deċiżjoni żbaljata wasslet biex ħarġu  l-permessi li jsiru żviluppi fl-iscarp tiegħu fejn jeżistu l-akbar numru ta’ fatturi arkeoloġiċi konċentrati f’post wieħed. Dawn hu dak li aħna r-Rabtin ma nistgħux naċċettaw.  Il-Foss u l-iscarp tiegħu kienu ħaġa waħda. Storja li bdiet tinħema ftit tas-snin ilu. Filfatt il-Kunsill Lokali tar-Rabat fi stqarrija li kien ħareġ kien oġġezzjona għal dan bil-qawwa tiegħu kollha.

Nissuġġerixxu li dan l-artiklu jinqara minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku, il-wirt Pawlin u l-wirt Rabti u jsiru diskussjonijiet biex nipproteġu l-Foss Ruman u ma nħallu lil ħadd jeqirdu. Dan għandu jsir mingħajr telf ta’ żmien qabel ikun tard wisq. Hu d-dmir tal-Kunsill Lokali tar-Rabat li jgħarraf lill-poplu Rabti b’dawn iż-żewġ pixxini u żviluppi oħra li se jsiru fil-Foss Ruman u jsiru diskussjonijiet dwarhom meta nafu li diġa ħarġu l-permessi għal dawn l-iżviluppi.  Nittamaw li l-awtoritajiet kulturali kollha jaqraw dan l-artiklu u jifhmu sew is-sitwazzjoni ta’ dan is-sit nazzjonali u jieħdu l-passi neċessarji siex ma jinqeridx darba għal dejjem”, temmew jgħidulna l-persuni li tkellimna magħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport