Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jkompli jwettaq diversi proġetti fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli jwettaq diversi proġetti fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, b’investimenti li qed itejbu l-faċilitajiet u jsaħħu s-sigurtà tal-ambjent fejn jingħataw servizzi essenzjali. Fost dawn l-interventi, bħalissa jinsab fl-aħħar stadji tar-rikostruzzjoni tal-ħajt tal-Komunità, proġett li beda wara intervent urġenti biex jiġi eliminat riskju għas-sigurtà.

Dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa’ li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq f’għadd ta’ komunitajiet, entitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ dawn l-investimenti, id-Dipartiment ikompli joffri l-għajnuna teknika u l-ħidma tiegħu biex jittejbu l-faċilitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali lill-komunità, filwaqt li jindirizza b’mod effettiv interventi infrastrutturali li jsaħħu s-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-ambjent fejn jingħataw dawn is-servizzi.

Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post tax-xogħol mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, akkumpanjata mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u mid-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt. Matul iż-żjara, il-Ministru ngħatat aġġornament dwar l-andament tax-xogħlijiet, li jinsabu fi stadju avvanzat u qed jitwettqu skont il-pjan u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi approvati.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-intervent juri l-impenn tal-Gvern biex, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ikompli jwieġeb b’mod konkret għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet u tal-organizzazzjonijiet li jaqdu rwol importanti fis-soċjetà. “Meta ninvestu fl-infrastruttura ta’ entitajiet bħall-Caritas, inkunu qed ninvestu direttament fin-nies. Il-prijorità tagħna tibqa’ li nindirizzaw sitwazzjonijiet li joħolqu riskji għas-sigurtà, filwaqt li noffru l-appoġġ meħtieġ biex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jagħtu s-servizz imprezzabbli tagħhom lill-komunità,” sostniet il-Ministru Zerafa Civelli.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, spjega li x-xogħlijiet qed jitwettqu skont l-ogħla standards tekniċi, b’enfasi fuq is-saħħa strutturali u s-sigurtà, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi eżistenti tas-sit.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għar-rispons u l-kollaborazzjoni tagħhom, u sostna li dan l-intervent se jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-persuni li kuljum jagħmlu użu mill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas.

L-intervent sar wara li Caritas Malta talbet l-assistenza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi minħabba d-deterjorament ta’ parti mill-ħajt fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Wara l-istħarriġ tekniku li sar fuq il-post, id-Dipartiment beda l-intervent billi tneħħew b’mod ikkontrollat is-sezzjonijiet tal-ħajt li kienu strutturalment dgħajfa, filwaqt li nżammu dawk il-partijiet li kienu għadhom fi stat tajjeb.

Ir-rikostruzzjoni tal-ħajt qed issir bil-ġebla tal-franka, b’mod li jinżamm il-karattru eżistenti tas-sit, filwaqt li qed jiġu inkorporati wkoll sistemi ta’ drenaġġ biex titnaqqas il-pressjoni tal-ilma wara l-ħajt u tissaħħaħ l-istabbiltà tiegħu fit-tul. Ix-xogħlijiet issa jinsabu fl-aħħar stadji tagħhom u, ladarba jitlesta l-bini tal-ħajt, se jsiru l-aħħar xogħlijiet ta’ finituri, tindif tas-sit u spezzjoni finali biex jiġi ċċertifikat li l-intervent sar skont l-ogħla standards ta’ kwalità u sigurtà.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport