Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena seħħew tliet inċidenti fatali tat-traffiku li kienu jinvolvu żewġt irġiel u mara.
Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni kwart tal-2026, kemm l-inċidenti tat-traffiku kif ukoll il-persuni midruba fihom żdiedu meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel.
L-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku rrapportati tul it-tieni kwart tal-2026 laħaq l-4,072, żieda ta’ 1.1% fuq l-istess żmien tal-2025. L-akbar numru t’inċidenti kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,340 każ jew 32.9 fil-mija tal-inċidenti kollha.
Il-persuni midrubin fl-inċidenti tat-traffiku żdiedu bʼ16% u telgħu għal 398 meta mqabblin mal-istess perjodu tal-2025. Il-persuni midrubin gravi kienu 146 u involvew 86 sewwieq, 19-il passiġġier u 41 persuna miexja, ċiklisti jew oħrajn.
Il-ġrieħi li ġarrbu żewġ sewwieqa u persuna miexja kienu fatali. Bʼhekk, l-imwiet fʼdawn fl-inċidenti naqsu bi tnejn mill-istess perjodu tal-2025.
L-akbar għadd ta’ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel (72.6%). Skont l-etajiet, 29.4% tal-persuni midrubin kellhom bejn is-26 u l-40 sena.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-inċidenti tat-traffiku (41.7%) kien jinvolvi karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk li kienu jinvolvu muturi (40.7%) u vetturi tal-ġarr tal-merkanzija (6.8%).
Il-fatalitajiet li seħħew fl-inċidenti tat-traffiku involvew żewġ sewwieqa li ħabtu maʼ proprjetà u vettura li laqtet persuna miexja. Iċ-ċiklisti involuti fl-inċidenti tat-traffiku kienu 14, bʼsitta minnhom iġarrbu ġrieħi gravi u tmienja oħra jindarbu ħafif.
It-tidrib ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi kien l-aktar komuni bʼ57% tat-tidrib kollu li seħħ fl-inċidenti tat-traffiku.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-inċidenti tat-traffiku seħħ fil-jum tal-Ħadd bʼ75 tidriba, filwaqt li l-akbar għadd t’inċidenti seħħew fil-jum tal-Ħamis bʼ662 każ jew 16.3 fil-mija tat-total. L-akbar għadd t’inċidenti tat-traffiku seħħew bejn 12:00 u 14:59 bʼ942 każ jew 23.1% tat-total, segwiti minn dawk li ġraw bejn 15:00 u 17:59 bi 880 każ. L-inqas għadd t’inċidenti ġraw bejn 03:00 u 05:59 bʼ35 każ.
L-ogħla inċidenza tʼaċċidenti tat-traffiku kienet irreġistrata fʼĦal Qormi bʼ223 każ, segwita minn Birkirkara u San Pawl Il-Baħar, bʼ211 u bʼ209 każijiet rispettivament.
Il-Fontana, San Lawrenz, Ix-Xgħajra u Taʼ Kerċem irreġistraw inqas minn ħames inċidenti tat-traffiku fiż-żmien imsemmi, filwaqt li ma kien irreġistrat l-ebda inċidenti fl-Għasri.

