Monday, April 22, 2024

Assistenza lill-inkwilini tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta Qali

Aqra wkoll

20 artiġjan li joperaw fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali u li mxew mal-pjanijiet tal-gvern u lestew ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-proprjetà tagħhom, se jkunu qed jibbenefikaw minn assistenza pprovduta minn INDIS Malta. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li qal li l-għan hu li l-gvern jimxi b’mod ekwu mal-artiġjana kollha fit-tlestija ta’ dan il-villaġġ.

Permezz ta’ din l-assistenza dawn l-artiġjana mhux se jħallsu l-ewwel sentejn ta’ kera dovuta lil INDIS Malta. Ħabbar ukoll li fit-tmien snin ta’ kera li jkun imisshom wara, jiġifieri mit-tielet sal-għaxar sena ta’ kera, il-ħlas tal-kera se jiġi pospost għat-tmien snin ta’ wara, li jfisser, li se jibdew iħallsu l-kera mill-11-il sena ‘l quddiem.

Kif spjega l-Ministru Schembri, dan ifisser li għall-għaxar snin li ġejjin, INDIS Malta mhi se tkun qed tiġbor ebda pagamenti ta’ kera minn għand dawn l-inkwilini, b’mod li jkollhom iktar flus f’idejhom u n-negozju tagħhom jibqa’ sostenibbli. Dan se jgħin sabiex bil-mod dawn jibdew jirkupraw mill-investiment li għamlu fil-proprjetà tagħhom f’dawn l-aħħar snin u fl-istess waqt jitħarsu l-impjiegi tagħhom u ta’ dawk li jħaddmu magħhom.

“Meta wieħed iqis li d-dħul tagħhom naqas drastikament fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-fatt li hawnhekk għadu għaddej il-proġett tar-riġenerazzjoni, din l-għajnuna se tkun imporanti ferm sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jsibu saqajhom u jkunu jistgħu jiffukaw fuq is-snajja’ tagħhom”, qal Silvio Schembri.

Il-ministru qal ukoll li INDIS Malta diġà qiegħda wkoll tassisti lil dawk l-inkwilini tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta Qali li kellhom diffikultà biex jiżviluppaw il-proprjetà allokata lilhom, sabiex anki huma jkunu jistgħu joperaw minn proprjetà denja għaż-żminijiet tal-lum. Bis-saħħa ta’ din l-għajnuna bħalissa għaddej ix-xogħol fuq għaxar binjiet, filwaqt li dalwaqt mistenni jibda x-xogħol fuq għaxra oħra.

“Filwaqt li din hija għajnuna importanti sabiex ma naqgħux lura fix-xogħol u din iż-żona ma tibqax sit ta’ kostruzzjoni, u b’hekk inkunu nistgħu nattiraw dejjem iktar viżitaturi, grupp ta’ artiġjana li kien irnexxielhom imexxu minn rajhom u investew fil-proprjetà tagħhom ħassew li kienu qed jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv. B’hekk qed nipprovdu l-assistenza li ħabbarna llum”, spjega l-Ministru Silvio Schembri.

Żied jgħid li din l-għajnuna kollha hija parti mill-impenn kbir tal-gvern li jerġa’ jagħti l-ħajja lill-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali. Hawn fakkar li din ir-riġenerazzjoni ilha mwiegħda kważi 30 sena u huwa grazzi għall-ħidma ta’ din l-amministrazzjoni li issa waslet fl-aħħar stadji.

Semma kif fix-xhur li għaddew tlesta x-xogħol fuq iż-żoni komuni, filwaqt li wasal biex jitlesta wkoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru għall-Kreattività u ċentru ieħor fejn se jkunu qed jiġu esebiti s-snajja’. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq ċentru tal-istart-ups, kjosk ġdid, parkeġġ fuq in-naħa tat-Tramuntana, u ċentru tal-kura tat-tfal ġdid.

Silvio Schembri ikkonkluda billi qal li din il-ħidma kollha se twassal għal-viżjoni li dan il-Villaġġ Artiġjanali f’Ta’ Qali isir id-dar denja għall-ħiliet ta’ 70 artiġjan u l-ħaddiema tagħhom. Żona li tkun punt importanti fil-mappa lokali u li toffri prodott komplut, kemm għat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin kif ukoll għan-nies li joqgħodu hawn, sabiex b’hekk inkattru dejjem iktar l-apprezzament għall-artiġjanat lokali.

Iċ-Chairman ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard qal li, “Il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali huwa wieħed ambizzjuż li bħala INDIS Malta ninsabu kburin li qed inwettqu. Qed nagħmlu ħilitna kollha sabiex inkomplu għaddejjin b’pass sostnut, u fl-istess waqt, biex inkunu ta’ appoġġ lill-artiġjana.”

Is-Sur Attard irringrazzja wkoll lill-ħaddiema ta’ INDIS Malta li qed jaħdmu ferm sabiex il-viżjoni għall-villaġġ tiġi implimentata; kif ukoll lill-artiġjana, lill-ħaddiema tagħhom, u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jagħtu l-kontribut siewi tagħhom sabiex il-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali jerġa’ għal darb’oħra jkun storja ta’ suċċess għall-ġid ta’ kulħadd.

Sport