Friday, May 3, 2024

Atletika: Iż-żgħażagħ jimpressjonaw fiċ-Challenge Meeting; Rekord ġdid għal Bonello fil-Pole Vault

Aqra wkoll

L-atleta Nicolai Bonello kompla jtejjeb ir-rekord nazzjonali tal-pole vault, din id-darba qabża ta’ 4.80m, f’prestazzjoni oħra mill-aqwa għall-atleta ta’ La Salle. Bonello mar qrib ferm meta prova għoli ta’ 4.90m, f’wirja li żgur tipprometti tajjeb għal aktar suċċess għal dan l-atleta.

Fit-tieni Challenge Meeting organizzat minn Athletics Malta fil-Marsa, fejn sar ukoll avveniment għall-atleti ta’ taħt l-14-il sena, kienu bosta mill-atleti żgħażagħ li serqu x-xena bi prestazzjonijiet tajbin.

Bianca Shoemake (Rush AC) kisbet rekord nazzjonali ġdid għall-Under 18 fil-hammer meta tefgħet 56.70m. Dan ir-riżultat ikkonferma l-progress tal-atleta f’din id-dixxiplina, taħt il-gwida ta’ Antonella Chouhal, li nzertat hi wkoll kisbet rekord fl-istess meeting, fil-kategorija Over 45 b’tefa’ ta’ 46.05m. Fost l-irġiel, Kareem Luca Chouhal irreġistra għall-ewwel darba tefa’ ta’ aktar minn 50 metru, preċiżament 51.32m.

Fit-tellieqa ta’ 400m bl-ostakli għall-bniet, rebħa għal Leah Frendo b’1:04.90, l-aqwa ħin li qatt ġie reġistrat f’pajjiżna fil-kategorija Under 14.

Claire Azzopardi (Pembroke) kompliet turi konsistenza bi prestazzjoni taħt it-12-il sekonda fil-100 metru, f’tellieqa li rebħet f’11.97s, quddiem Thea Parnis Coleiro (Rush AC) (12.26s), minkejja riħ kontra.

Fl-irġiel, doppjetta għall-aħwa El Aida Chaffey b’Jacob l-ewwel b’10.88s, 0.05s quddiem ħuħ kif ukoll kollega tat-tim ta’ Żurrieq Wolves, Omar.

Julian Zarb (La Salle) ukoll kompla juri progress notevoli din id-darba bl-aqwa ħin personali fit-800m b’riżultat tajjeb ta’ 1:57.92.

L-itwal tellieqa tal-ġurnata kienet dik ta’ 5000m tal-irġiel, battalja mill-aktar eċitanti bejn żewġ ġenerazzjonijiet tal-atletika Għawdxija, b’David Borg (Athletix A.C.) li b’ħin ta’ 15:25.84) jidħol bl-eżatt quddiem Charlton Debono ta’ Evolve li temm f’15:26.17.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport