Monday, April 29, 2024

Atletika: Rekord nazzjonali għal Bradley Mifsud fid-discus

Aqra wkoll

Bradley Mifsud tejjeb ir-rekord nazzjonali tiegħu stess fit-tfigħ tad-diskus bi prestazzjoni mill-aqwa fl-istadium tal-Marsa. B’tefa’ ta’ 55.41m, l-atleta ta’ Pembroke tejjeb ir-rekord preċedenti bi kważi metru u nofs. Huwa kien kiseb rekord ta’ 53.80m f’Jannar tas-sena li għaddiet waqt meeting organizzat minn Rush AC kmieni fl-istaġun.

L-atleti kienu qed jinġabru lura fit-trakka għat-tieni parti tal-istaġun, bl-ewwel Open Challenge ta’ Athletics Malta, sensiela ta’ meetings li jwasslu lill-atleti għall-Kampjonati Nazzjonali tas-Sajf, f’Ġunju.

Fil-100m nisa, Carla Scicluna u Claire Azzopardi komplew fejn ħallew fl-ewwel parti tal-istaġun b’taqtigħa mill-aqwa b’Scicluna tidħol l-ewwel f’11.80s, 0.06s quddiem ir-rivali tagħha. L-atleta Thea Parnis Coleiro, li tikkompeti fil-kategorija Under 18, temmet it-tielet b’12.22s. Fost l-irġiel, rebħa għal Graham Pellegrini f’10.93s, quddiem Luke Bezzina f’11.01s.

Minkejja li ma tellqitx fuq id-distanza favorita tagħha ta’ 400m, Janet Richard irreġistrat ħin pożittiv ħafna fuq it-800m, meta daħlet f’2:06.32, prestazzjoni inkoraġġanti ferm f’din il-fażi tal-istaġun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport