Monday, May 13, 2024

ATP: Novak Djokovic imwaqqaf minn Jannik Sinner

Aqra wkoll

Jannik Sinner kiseb l-ewwel rebħa tiegħu kontra Novak Djokovic hekk kif it-Taljan għeleb lin-numru wieħed tad-dinja fl-ATP Finals f’Turin.

Sinner, 22 sena, rebaħ tie-break tat-tielet set biex assigura l-partita tar-Red Group, 7-5 6-7 (5-7) 7-6 (7-2) fi tliet sigħat u disa’ minuti.

Kienet l-ewwel telfa ta’ Djokovic, 36 sena, mill-finali ta’ Wimbledon f’Lulju li għadda.

Aktar qabel, il-Grieg Stefanos Tsitsipas, 25 sena, irtira minħabba injury f’dahru kontra Holger Rune tad-Danimarka.

Sinner, li se jilgħab kontra Rune fit-tielet partita tiegħu, temm il-mixja ta’ 19-il logħba bla telfa ta’ Djokovic qud­diem il-folla tiegħu.

Madankollu, iċ-champion 24 darba tal-Grand Slam xorta jista’ jikkwalifika għas-semi-finali billi jegħleb lid-disa’ seed, il-Pollakk Hubert Hurkacz, li huwa s-sostitut ta’ Tsitsipas.

Carlos Alcaraz żamm ħaj it-tamiet tiegħu li jgħaddi għas-semi-finali fit-tentattiv li jirbaħ it-tournament għall-ewwel darba b’rebħa fuq Andrey Rublev li fiha r-Russu laqat lilu nnifsu bir-rakketta spiss tant li anke ħariġlu d-demm.

Iċ-champion ta’ Wimbledon, Alcaraz, kien tilef kontra  Alexander Zverev fil-ftuħ tiegħu tar-Red Group iżda l-Ispanjol irritorna biex għeleb lil Rublev 7-5 6-2.

Kienet it-tieni telfa għal Rublev, li nhar it-Tnejn tilef kontra Daniil Medvedev, u jfisser li ma jistax jilħaq l-aħħar erbgħa.

Fil-logħba tal-bieraħ filgħaxija Zverev iffaċċja lil Medvedev waqt li llum fis-2.30 pm jilagħbu Djokovic u Hurkacz u fid-9.00 pm Sinner jiltaqa’ ma’ Rune.

Sport