Monday, May 6, 2024

“L-attivisti ma kellhomx għalfejn jorqdu fil-pjazza biex isalvaw is-siġar tal-Mosta”

- Mark Sultana CEO ta’ Bird Life Malta

Aqra wkoll

Folla ta’ nies illejla nġabru fil-Pjazza tal-Mosta biex jipprotestaw mal-Moviment Graffitti u Għaqdiet Mhux Governattivi oħrajn dwar dak li kien se jiġri meta kienu se jinqalgħu s-siġar.

Fost il-kelliem kien hemm s-CEO ta’ Bird Life Malta Mark Sultana rringrazzja lil Moviment Graffitti għal pressjoni li saret biex jiġu salvati s-siġar fil-Mosta. Qal li kollha flimkien irnexxielna ngħelbu l-arroganza. Fid-diskors qasir tiegħu hu fakkar episodji oħrajn li fiha saret pressjoni biex jiġi protett l-ambjent.

Sultana appella biex ikun hemm liġi li meta jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn l-NGOs ikunu jistgħu jappellaw minn dik id-deċiżjoni.

Is-CEO talab ukoll biex b’mod immedjat jirriżenja s-Sindku tal-Mosta għax skont hu mhux denju li jmexxi l-lokalità. Ikkritika wkoll lill-uffiċjali tal-ERA fejn sostna li “ma kienx hemm għalfejn jorqdu n-nies fil-pjazza tal-Mosta biex jiġu salvati s-siġar għax suppost l-ERA qiegħda hemm biex tipproteġi s-siġar u mhux biex teqridhom.”

Intant, aktar kmieni matul il-ġurnata s-Sindku tal-Mosta, il-Perit Chris Grech ħabbar li skont ix-xewqa tal-pubbliku, s-siġar tal-ficus li hemm bħalissa fi Pjazza Rotunda mhux se jitħawlu f’parti oħra tal-Mosta iżda jibqgħu fejn huma. Grech qal li l-kunsilliera nnutaw l-opinjoni tal-pubbliku u għalhekk ittieħdet din id-deċiżjoni.

Sport