Saturday, May 4, 2024

€1 miljun għall-Iskema “Irrestawra Darek”

Aqra wkoll

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar li għas-sena li ġejja, l-Awtorità għall-Ippjanar se tkun qed talloka €1 miljun għall-Iskema “Irrestawra Darek” li se jkunu jistgħu japplikaw għaliha dawk li għandhom bini skedat bħala l-Ewwel u t-Tieni Grad.

Huwa qal li matul is-sena d-dieħla se tkompli l-ħidma biex jiġi konkluż il-Pjan dwar l-Ippjanar Strateġiku u l-Iżvilupp (SPED), fejn l-istudji dwaru minn esperti Maltin u konsulenti barranin dalwaqt jingħalqu. Se tiġi ffinalizzata wkoll ir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan Lokali ta’ Għawdex biex Ħondoq ir-Rummien jibqa’ fl-istat naturali tiegħu. Se jitlesta wkoll studju dwar Policy għall-Inner Harbour Region. Jinsabu fi stadju avvanzat ukoll policies ġodda tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq estetika u streetscapes.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar il-ħidma ewlenija tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fejn ser jitkompla x-xogħol f’diversi żoni u titlesta ż-Żona tal-Kunċerti. Id-Dipartiment se jkompli jgħin ukoll lill-Kunsilli Lokali f’Malta fuq diversi proġetti u se jaħdem ukoll ma’ diversi entitajiet oħra biex jissolvew problemi ta’ għargħar. Id-Dipartiment se jaħdem ukoll fuq proġetti ta’ Coastal Management sabiex tkompli tiġi mħarsa l-kosta Maltija.

Sport