“Papa Ljun XIV iħobb il-kriminalità, naħseb”. “Mhux jagħmel xogħol tajjeb ħafna”. “Ma rridux Papa li jgħid li jaċċetta l-kriminalità fl-ibliet tagħna.” “Ma rridux Papa li jgħid li kollox sew li jkollok arma nukleari”.
Dawn id-dikjarazzjonijiet xokkanti, saru mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, proprju nhar il-Ħadd tard filgħaxija.
Il-President Donald Trump ikkritika bil-qawwa lill-Papa Ljun XIV kemm fuq is-sit tiegħu u anke f’kummenti lill-ġurnalisti u fuq il-midja soċjali nhar il-Ħadd, fejn sejjaħ lill-ewwel mexxej Amerikan tal-Knisja Kattolika ‘dgħajjef fil-kriminalità” u “terribbli għall-politika barranija.”
Trump iddikjara li “ma naħsibx li qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna. Jħobb il-kriminalità, naħseb”. Ikompli jgħid li “ma nħobbux Papa li jgħid li huwa orrajt li jkollok arma nukleari. Ma rridux Papa li jgħid li l-kriminalità hija orrajt fl-ibliet tagħna. Ma nħobbux. M’iniex fan kbir ta’ Papa Ljun”.
Il-President tal-Istati Uniti saħaq li “Papa Ljun huwa dgħajjef fil-Kriminalità, u terribbli għall-politika barranija. Papa Ljun għandu jkun grat għax, kif kulħadd jaf, kien sorpriża xokkanti. Ma kienx fuq xi lista biex ikun Papa, u tpoġġa hemm biss mill-Knisja għax kien Amerikan, u ħasbu li dak ikun l-aħjar mod kif jittrattaw mal-President Donald J. Trump. Kieku ma kontx fil-White House, Ljun ma kienx ikun fil-Vatikan,” qal Trump.
Ma waqafx hemm… itella’ stampa li turi lil Trump b’setgħa ta’ Ġesù Kristu li jfejjaq
Il-President tal-Istati Uniti ma waqafx hemm. Wara li kiteb il-kummenti dispreġjattivi Papa Ljun XIV, hu ppubblika stampa li turi lilu nnifsu bħala li għandu setgħat simili għal dawk ta’ Ġesù Kristu. L-istampa kienet qiegħda iġġibu liebes libsa stil Bibliku, Trump jidher iqiegħed idejh fuq raġel fis-sodda hekk kif id-dawl joħroġ minn subgħajh. Suldat, infermiera, mara titlob u raġel bil-leħja b’kappell tal-baseball kollha jħarsu, u fl-isfond is-sema mimlija ajkli u bandiera Amerikana.
Il-kummenti dispreġjattivi ġew wara li ġimgħa ilu l-Papa kkritika lil Trump
Ta’ min jgħid li l-kummenti dispreġjattivi ta’ Trump waslu wara li l-ġimgħa li għaddiet Papa Ljun XIV ikkritika t-theddid pubbliku ta’ Trump li “jeqred” iċ-ċivilizzazzjoni Iranjana. Il-Papa qal li “l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili huma kontra l-liġi internazzjonali” u ħeġġeġ lin-nies biex jikkuntattjaw lill-mexxejja u lill-membri tal-Kungress biex isejħu għall-paċi. Huwa ħeġġeġ lil Trump biex itemm il-gwerra fl-Iran, u fil-messaġġ tiegħu tal-Għid il-ġimgħa li għaddiet ilmenta li d-dinja qed “issir indifferenti” għall-vjolenza. Leo kien ikkritika wkoll il-politiki tal-immigrazzjoni tal-amministrazzjoni Trump.
“L-attakk ta’ Trump hu dikjarazzjoni ta’ impotenza”
Ma setax jonqos li jkun hemm reazzjoni minn naħa tal-Vatikan għal dak li intqal. Kien Antonio Spadaro, is-Sotto Segretarju tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kultura u l-Edukazzjoni, li tkellem. Hu ddikjara li “l-attakk ta’ Trump huwa dikjarazzjoni ta’ impotenza.” Tenna li meta l-poter politiku jattakka vuċi morali, ikun għax ma jistax jikkontrollaha.
Antonio Spadaro ddikjara li “Trump ma jargumentax ma’ Papa Ljun. Iridu jerġa’ lura għal lingwa li jista’ jikkontrolla. Imma l-Papa jitkellem lingwa oħra. Lingwa li ma tistax titnaqqas għall-grammatika tal-forza, is-sigurtà, jew l-interess nazzjonali. F’dan is-sens, l-attakk huwa dikjarazzjoni ta’ impotenza. Billi ma jistax jassorbi dik il-vuċi, il-poter jipprova jneħħilha l-leġittimità. Madankollu, meta jagħmel dan, jirrikonoxxi il-piż tagħha. Kieku Papa Ljun kien irrilevanti, ma kienx jistħoqqlu kelma. Minflok, jiġi invokat, imsemmi, oppost. Dan hu sinjal li kliemu huma importanti.”
Ikompli jgħid li “hawnhekk toħroġ il-forza morali tal-Knisja. Mhux bħala kontro-poter, imma bħala spazju fejn il-poter jiġi ġġudikat bi standard li ma jikkontrollax. Papa Ljun ma jweġibx fit-terren tal-polemiċi”.
L-Arċisqof Paul Coakley, li hu l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, ċanfar il-kritika ta’ Trump lejn il-Papa.
“Diżappuntat li l-President għażel li jikteb kliem daqshekk dispreġġjattiv dwar il-Papa Mqaddes,” kiteb Coakley. “Il-Papa Leo mhuwiex ir-rivali tiegħu u lanqas il-Papa mhu politiku. Huwa l-Vigarju ta’ Kristu li jitkellem mill-verità tal-Evanġelju” qal l-Arċisqof Coakley.
Proprju sena ilu……Trump kien qal li Papa Ljun XIV
hu ta’ unur għall-Istati Uniti
Interessanti hu l-fatt li dawn il-kummenti dispreġjattivi qegħdin isiru proprju fi kważi żmien sena wara li laħaq Papa Ljun XIV. Dakinhar imma d-diskors minn naħa ta’ Trump kien ferm differenti. Dakinhar hu kien iddikjara li “Papa Ljun XIV hu ta’ unur għall-Istati Uniti”.
Kien iddikjara li “hu ta’ unur kbir għal pajjiżna li jkollna Papa Amerikan. Jiġifieri, x’unur akbar jista’ jkun hemm? Li konna xi ftit sorpriżi, ferħanin ħafna. Imma unur kbir, assolutament kbir”, kien enfasizza Trump.

