L-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni dwar materji li wieħed jikkunsidra qabel ma jagħmel investiment. Dan japplika b’mod partikolari meta jiġu mkejla u jsir assessjar fuq pajjiżi madwar id-dinja. Fl-analiżi li dawn jagħmlu, jiffokaw fuq il-valur tal-pajjiż, il-qagħda ekonomika u soċjali tiegħu, l-ambjent politiku fil-pajjiż, it-tħaddim demokratiku kif ukoll l-andament imsejjaħ “feel good factor” fost l-oħrajn.
Din l-analiżi tħares ukoll lejn l-andament politiku f’dak li jirrigwadja l-istabbiltà politika u dik ekonomika kif ukoll l-andament ta’ kif ikunu sejrin l-affarijiet tul il-proċess innifsu. Dan l-eżerċizzju għalhekk jagħti wkoll indikazzjoni tas-saħħa finanzjarja tal-pajjiż.
Proprju ftit tal-jiem ilu, l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali DBRS Morningstar ikkonfermat mill-ġdid ir-rating ta’ A (High) stabbli għal pajjiżna. Dan iċ-ċertifikat pożittiv ikompli jikkonferma s-saħħa tal-finanzi pubbliċi u r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija minkejja l-isfidi globali. Dan ir-rating ġie nnutat ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela li fisser kif dan jikkonsolida l-fiduċja ta’ istituzzjonijiet internazzjonali f’pajjiżna u jpoġġi lil Malta f’pożizzjoni tajba biex tkompli tattira investiment u toħloq tkabbir sostenibbli.
U filwaqt li Malta ngħatat l-aħjar rating li qatt ingħatat minn din l-aġenzija, pajjiżi oħra qegħdin saħansitra jaffaċċjaw downgrade. Dak li wassal biex din l-aġenzija tagħti ċertifikat daqstant qawwi lill-ekonomija tagħna kienu diversi fatturi. Ewleinin fosthom il-politika ta’ pajjiżna fil-qasam tal-enerġija, l-għaqal tal-Gvern li jnaqqas it-taxxi għall-familji filwaqt li d-dħul tal-pajjiż jibqa’ jiżdied, u s-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn.
Dawn ir-riżultati huma bla dubju importanti u fl-istess ħin jagħtu l-kuraġġ li minkejja li dak li qed jiġri lil hinn minn xtutna, pajjiżna jista’ jibqa’ jaħseb għall-futur u biex ikompli jsaħħaħ il-qagħda tal-familji u n-negozji.
Wieħed jittama li dan ir-ritmu ekonomiku b’saħħtu, minkejja l-isfidi ta’ bħalissa u tal-ġejjieni, jibqa’ għaddej mhux biss biex ikabbar il-kejk nazzjonali imma wkoll itejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

