Monday, October 28, 2024

Australian Open: Novak Djokovic jilgħab il-100 logħba tiegħu

Aqra wkoll

L-aqwa seed, Novak Djo­kovic, iċċelebra l-100 partita tiegħu fl-Australian Open b’rebħa dominanti fuq it-30 seed, l-Arġentin, Tomas Martin Etcheverry, 6-3 6-3 7-6 (7-2), biex għadda għar-raba’ round f’Melbourne Park.

Dan iżomm lill-player ta’ 36 sena fi triqtu għal 25 titlu ta’ Grand Slam, li jikser ir-rekord ta’ kull żmien li qed jaqsam mal-Awstraljana, Margaret Court.

Djokovic rebaħ 92 mill-100 partita tiegħu f’Melbourne, u issa huwa l-ew­wel player li lagħab 100 partita fl-erba’ Grand Slams kollha, wara li lagħab 108 partita fil-French Open, 103 f’Wimbledon u 101 fil-US Open.

L-10 darbiet champion xi drabi deher distratt fl-ew­wel żewġ logħbiet tiegħu, fejn waqqa’ sets kontra Dino Prizmic u mbagħad Alexei Popyrin. Kien involut ukoll f’konfront ma’ partitarju fil-logħba ma’ Popyrin.

Issa se jilgħab kontra l- Franċiż, Adrian Mannarino, 35 sena, li għeleb lill-Ame­rikan, Ben Shelton, 21 sena, fit-tielet rebħa tiegħu ta’ ħames sets konsekuttivi.

Mannarino rebaħ 7-6      (7-4) 1-6 6-7 (2-7) 6-3 6-4 f’erba’ sigħat u 46 minuta, wara rebħiet ta’ ħames sets kontra l-eks champion Stan Wawrinka u l-Ispanjol Jau­me Munar fl-ewwel u fit-tieni rounds rispettivament.

F’logħbiet oħra, Jannik Sinner, wera għaliex huwa wieħed mill-akbar rivali ta’ Djokovic għat-titlu billi għeleb lill-Arġentin, Sebastian Baez.

Ir-raba’ seed Taljan daħal fit-tieni ġimgħa f’Melbour­ne b’rebħa ta’ 6-0 6-1 6-3 f’inqas minn sagħtejn.

Sinner rilassat wera l- burdata tajba tiegħu fuq il-Margaret Court Arena hekk kif iċċajta mat-team tal-coaching tiegħu mumenti qabel kiseb ir-rebħa kontra s-26 seed, Baez.

Sinner imissu kontra Karen Khachanov wara li l-15-il seed Russu għeleb mumenti mhux daqstant tajbin fit-tielet set biex għeleb lil Tomas Machac tar-Repubblika Ċeka, 6-4 7-6 (7-4) 4-6 7-6 (7-5).

Stefanos Tsitsipas għeleb lill-Franċiż, Luca Van Assche, biex waqqaf laqgħa mat-12-il seed Amerikan, Taylor Fritz, fir-raba’ round.

Is-seba’ seed Grieg fetaħ vantaġġ ta’ żewġ sets, iżda kellu jissielet lura minn żbilanċ ta’ 2-0 fit-tielet biex rebaħ 6-3 6-0 6-4.

Intant, Taylor Fritz irkup­ra minn set minn taħt biex għeleb lill-Ungeriż Fabian Marozsan, 3-6 6-4 6-2 6-2.

Il-favorit lokali, Alex de Minaur, li huwa l-10 seed, avvanza wkoll b’rebħa ta’ 6-3 6-3 6-1 fuq il-kwalifikatur Taljan, Flavio Cobolli.

Fil-logħba l-oħra tal-bie­raħ, ir-Russu, Andrey Rub­lev, kiseb rebħa fi tliet sets meta għeleb lill-Amerikan, Sebastian Korda, 6-2 7-6      (8-6) 6-4.

Ir-Russa ta’ 16-il sena, Mirra Andreeva, salvat match point hekk kif għamlet rimonta notevoli fit-tielet set biex għaddiet għar-raba’ round meta b’xi mod għelbet lill-Franċiża, Diane Parry, bl-iskor ta’ 1-6 6-1 7-6  (10-5) minkejja li kienet 5-1 minn taħt fis-set deċiżiv u ffaċċjat match point fuq is-service tagħha.

Andreeva rebħet ħames games konsekuttivi u ser­viet għall-partita, iżda Parry kissret lura biex isseħħ it-tie-break. Madankollu, Andreeva ddominat it-tie-break biex tiżgura postha fir-round li jmiss.

Aktar kmieni, il-Belarussa Aryna Sabalenka kom­pliet id-difiża tat-titlu enfatika tagħha b’rebħa fi 52 mi­nuta, 6-0 6-0, fuq Lesia Tsurenko tal-Ukrajna.

It-tieni seed Sabalenka tilfet biss sitt games fit-tliet logħbiet tagħha f’Melbourne din is-sena. 

Hija waslet sas-semi-finali tal-erba’ Grand Slams fl-istaġun li għadda u issa se tiltaqa’ kontra l-Amerikana Amanda Anisimova li żgur hija prova diffiċli għaliha.

Anisimova, li qed tilgħab l-ewwel maġġuri tagħha minn mindu ħadet waqfa ta’ seba’ xhur għas-saħħa mentali, għelbet lill-eks numru tnejn tad-dinja, l-Ispanjola Paula Badosa, 7-5 6-4.

Coco Gauff avvanzat ukoll b’rebħa ta’ 6-0 6-2 fuq Alycia Parks, filwaqt li l-kwalifikata Russa, Maria Timofeeva, stordut lill-10 seed, il-Brażiljana, Beatriz Haddad Maia, meta għelbit­ha 7-6 (9-7) 6-3 biex saret l-inqas player fir-rankings li laħqet ir-raba’ round tas-singles tan-nisa mill-2017.

Gauff ukoll ma waq­qgħetx set din is-sena, u issa se tiltaqa’ kontra l-Pollakka, Magdalena Frech, li eliminat lill-kwalifikatur Russa, Anastasia Zakharova, fi tliet sets, 4-6 7-5 6-4.

It-tielet seed Elena Rybakina, li Sabalenka għelbet fil-finali tas-sena l-oħra, ġiet megħluba f’tie-break li kiser rekord fit-tieni round, filwaqt li l-ħames seed Jessica Pegula tilfet ukoll nhar il-Ħamis.

Għall-kuntrarju, Sa­ba­len­­ka qattgħet ftit inqas minn tliet sigħat fil-court u għad trid tiġi ttestjata tas­sew.

Sabalenka tista’ potenzjalment tiltaqa’ ma’ Gauff, li għelbitha fil-finali ta’ New York is-sena l-oħra, fis-se­mi-finali.

Żewġ logħbiet li ġew deċiżi fit-tielet set raw lill-Ukrena, Marta Kostryuk telimina lir-Russa, Elina Ava­nesyan, 2-6 6-4 6-4 waqt li ċ-Ċeka, Barbora Krejcikova warrbet l-isfida tal-player lokali, Storm Hunter, meta għelbitha 6-4 5-7 6-3. 

Sport