Friday, October 4, 2024

Serie A: Juventus biċ-ċans li jitilgħu fl-ewwel post

Aqra wkoll

Meta tintlagħab il-21 ġurnata tas-Serie A, Juventus jistgħu jitilgħu fil- quċċata tal-klassifika. 

Dan minħabba li l-programm se jkun wieħed imqassar, kompost minn sitt partiti minħabba li Inter, Lazio, Napoli u Fiorentina, jinsabu mpenjati fis-Super Cup Taljana li qed  tintlagħab fl-Arabja Sawdija. 

Lecce v Juventus – Ju­ven­tus imorru jilagħbu għand Lecce li jinsabu fit-13-il post bil-Bianconeri jib­dew favoriti li jiksbu t-tliet punti minħabba li għad­dejin minn forma tajba, tant, li ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi. 

Bla dubju, l-arma letali  tal-coach, Massimiliano Allegri, huma l-koppja Dusan Vlahovic u Federico Chiesa, li bħalissa jinsabu fl-aqwa forma possibbli u qed jitterrorizzaw kull difiża avversarja. 

L-uniċi żewġ players assenti se jkunu Moise Kean u Mattia de Sciglio li qed jirkupraw minn injury. 

Min-naħa ta’ Lecce, dawn se jkollhom barra lil Nicola Sansone u Kastriot Dermaku filwaqt li Lamed Banda u Ahmed Touba huma sospiżi.

Udinese v Milan – Udi­nese jospitaw lil Milan fid-Dacia Arena f’logħba li ħadd miż-żewġ timijiet ma jaffordja jitlef għal raġunijiet ovvji. 

Filwaqt li Udinese jinsabu fil-ġlieda għas-salvazzjoni, Milan iridu jsaħħu t-tielet pożizzjoni biex titneħħa wkoll il-pressjoni minn fuq il-coach, Stefano Pioli. 

Ir-Rossoneri ġejjin minn rebħa tajba ta’ 3-0 fuq Roma li fil-veritá swiet l-impjieg tal-coach tal-Giallorossi, Jo­­sé Mourinho, li tkeċċa mill- kariga tiegħu. 

Fil-veritá, it-tamiet ta’ Milan għar-rebħ tat-titlu huma mitmuma u għaldaqstant l-objettiv tagħhom huwa li jtemmu mal-ewwel erbgħa li jkun ifisser biljett għall- UEFA Champions Lea­gue. 

Pioli se jkollu jgħaddi mingħajr Alessandro Flo­renzi, Fikayo Tomori, Tommaso Pobega, Malick Thiaw u Pierre Kalulu filwaqt li Udinese se jkollhom barra lil Vivaldo, Jaka Bijol, Enzo Ebosse u Gerard Delofeu … kollha jinsabu mweġġgħin. 

Roma v Verona – Roma jilqgħu lil Verona fejn l-eks player tagħhom, Daniel De Rossi, ikun qed jagħmel id-debutt tiegħu bħala coach wara li ħa post l-imkeċċi Mourinho. 

Bla dubju, huwa mhux se jsib il-ħajja faċli minħabba l-problemi li t-team għaddej minnhom kif ukoll irid jirrijorganizza lill-players tiegħu minħabba li l-moral jinsab kemmxejn baxx.  

Peró mhux kollox huwa daqstant negattiv minħabba li, quddiem il-partitarji tagħhom stess, Roma jistgħu jiksbu t-tliet punti meta l-avversarji jinsabu fiż-żona l-ħamra. 

Roma se jkollhom iħallu barra lis-sospiżi Bryan Cristante u Gianluca Mancini u lill-imweġġħin Paulo Dybala, Renato Sanchez, Chris Smalling u Tammy Abraham. 

Sport