Il-Bank of Valletta kompla bit-tradizzjoni li hija għażiża għal ħafna fil-Bank – dik li jospita avveniment annwali għat-tfal tal-impjegati. Dan l-avveniment ittella’ nhar il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC). Din l-okkażjoni tant mistennija laqqgħet madwar 700 tifel u tifla, taʼ bejn it-3 u t-12-il sena, għal nofs ta’ nhar mimli daħk, divertiment, u ferħ.
L-avveniment, organizzat b’mod metikoluż mit-tim tas-CSR & Events tal-Bank, kien jinkludi varjetà ta’ attivitajiet imfassla għal tliet gruppi ta’ etàjiet distinti. Animaturi professjonali ħolqu atmosfera vibranti, u żammew lit-tfal involuti b’logħob, wirjiet, u attivitajiet interattivi f’żoni ddedikati. Kull tifel u tifla rċevew ukoll rigal magħżul apposta għalihom, u b’hekk ikun żgurat li l-ġurnata kienet waħda memorabbli.
Charles Azzopardi, Kap tat-tim tas-CSR & Events fil-Bank of Valletta, irrimarka: “L-avveniment annwali tat-tfal tal-kollegi huwa xhieda tal-impenn tal-Bank lejn in-nies tagħna. Billi noħolqu mumenti ta’ ferħ għat-tfal tal-impjegati tagħna, aħna niċċelebraw l-ispirtu tal-istaġun filwaqt li nsaħħu l-valuri tal-familja, it-tradizzjoni, u s-sens ta’ tim li jiddefinixxu l-kultura tagħna ġewwa l-BOV. Dan l-avveniment huwa wieħed mill-aktar appuntamenti importanti u għeżież fuq il-kalendarju tagħna u hu xhieda tal-isforzi tat-tim tas-CSR & Events tagħna, li jaħdem qatigħ biex niżguraw li jkun suċċess.”
Minbarra l-organizzazzjoni tal-attivitajiet, it-tim ħa ħsieb il-loġistika kollha, inkluż servizz ta’ shuttle bus mill-Furjana sal-MCC u lura, biex ikun ċert li l-esperjenza kienet pjaċevoli għal kulħadd.
Din it-tradizzjoni ta’ għexieren ta’ snin hi parti fundamentali mill-enfasi li l-Bank of Valletta jagħmel fuq il-benesseri u l-involviment tal-impjegati, u turi d-dedikazzjoni tal-Bank li jrawwem post tax-xogħol orjentat lejn il-familja u li jiċċelebra lin-nies li jixprunaw is-suċċess tiegħu. Billi jinvesti f’dawn il-mumenti importanti, il-BOV issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala poost tax-xogħol li jappoġġja l-impjegat filwaqt li jagħti l-attenzjoni lill-komunità.