Friday, November 22, 2024

Avveniment għall-impjegati f’għeluq l-anniversarju tal-impjieg tagħhom mal-Bank

Il-BOV Jiċċelebra mal-Impjegati Tiegħu

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ospita avveniment għal madwar 200 impjegat tiegħu fil-Limestone Heritage fis-Siġġiewi, biex jiċċelebra l-anniversarju tal-impjieg ta’ dawn l-impjegati fil-Bank. Dawn kienu qed ifakkru bejn il-15 u l-45 sena fl-impjieg mal-Bank. Dan l-avveniment ġabar flimkien numru ta’ impjegati li raw l-evoluzzjoni tal-industrija bankarja u tas-servizzi finanzjarji f’Malta u l-mod kif il-Bank of Valletta kompla jiżviluppa n-negozju bankarju tiegħu f’Malta, proċess li wasslu biex isir il- fornitur ewlieni ta’ servizzi bankarji u finanzjarji f’Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, is-Sur Kenneth Farrugia, irrimarka li fis-suq tax-xogħol tal-lum, iż-żamma tal-impjegati saret dejjem aktar ta’ sfida, u dan jagħmel okkażjonijiet bħal dawn saħansitra aktar speċjali, u ċertament ta’ min jiċċelebrahom. “Il-Bank of Valletta llum qed jittrasforma b’mod attiv il-mudell tan-negozju u operattiv tiegħu biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq lokali. Dan il-programm ta’ bidla huwa appoġġjat minn individwi b’talent kbir li għandhom ħiliet u esperjenzi diversi li joperaw fil-funzjonijiet tan-negozju, sapport u kontrolli tal-Bank. Filwaqt li l-Bank of Valletta se jkun qed jiċċelebra l-50 sena tiegħu fl-2024, u għandu storja ta’ suċċess warajh, il-Bank qed jittrasforma ruħu b’mod dinamiku f’organizzazzjoni li tħares ’il quddiem u ffukata ħafna bl-għan li tibqa’ mexxej u innovatur ewlieni fis-suq.”

Il-ħtieġa ta’ diversità u inklussività hija essenzjali fir-realtà moderna tal-impjiegi tal-lum. F’dan il-kuntest, l-għan tal-Bank li jattira l-kapital uman meħtieġ jinvolvi mhux biss ir-reklutaġġ tat-talent meħtieġ biex jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet tal-Bank, iżda wkoll li jiżgura li mpjegati minn oqsma differenti jħossu sens ta’ appartenenza u impenn f’organizzazzjoni dinamika. Is-Sur Ray Debattista, Chief People and Culture Officer tal-BOV, tkellem dwar l-isforzi tal-Bank biex ipoġġi lill-BOV bħala l-impjegatur tal-għażla fis-settur bankarju. L-impjieg mal-Bank of Valletta jiftaħ numru ta’ esperjenzi għall-impjegati li qed ifittxu li jiżviluppaw karriera fis-servizzi bankarji u finanzjarji.

Iċ-Chairman tal-Bank, Dr Gordon Cordina, stqarr li, “dak li jiddistingwi lin-nies quddiemi llejla huwa li minkejja li qattgħu dawn is-snin kollha fl-impjieg mal-Bank, għadhom żgħażugħa fl-entużjażmu u l-ħeġġa tagħhom biex jagħtu kontribut. Huwa dan l-ispirtu li se jmexxi lill-Bank of Valletta ‘l quddiem u jixprunana biex inkomplu nikbru.”

Sport