Friday, October 25, 2024

Barra pagi u kundizzjonijiet aħjar il-ħaddiema qed isemmgħu leħinhom kontra l-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaza

IPPJANAT STRAJK IEĦOR FIS-SETTUR TAT-TRASPORT FL-ITALJA…

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li ġej is-sistema tat-trasport pubbliku f’Ruma, l-Italja, mistennija tesperjenza problemi kbar hekk kif il-ħaddiema f’din l-entità qegħdin jippjanaw li jagħmlu strajk. Din l-azzjoni industrijali fit-28 ta’ Ottubru hija minn impjegati tat-trasport pubbliku membri ta’ unjins u se taffettwa negattivament lis-servizzi tal-metro, tat-tram u tal-karozzi tal-linja li joperaw fil-belt kapitali. Dawn tal-aħħar se jipparteċipaw ukoll billi jieqfu mix-xogħol.

Huwa mistenni li tul l-24 siegħa ta’ dan l-istrajk f’Ruma se jkun hemm diffikultajiet għal kull min jixtieq jew għandu bżonn is-servizzi tat-trasport pubbiku. Barra minnhekk, hemm pjan ta’ żieda fis-sigurtà minħabba li fiż-żoni fejn ikunu pparkjati l-mezzi tat-trasport, jistgħu jittellgħu xi protesti u demostrazzjonijiet mill-ħaddiema.

Skont l-awtoritajiet tal-belt, dan l-istrajk, imsejjaħ mit-trejd unjins USB u Orsa, mhuwiex se jaffettwa rotot b’tal-linja fis-subborgi operati mill-kumpaniji privati. Barra minnhekk, minkejja din l-azzjoni ppjanata, huwa rrapportat li ferroviji u karozzi tal-linja reġjonali “mhux suppost” li se jiġu affettwati fejn is-servizz huwa garantit fil-ħinijiet ta’ bejn il-5.30 u 8.30 ta’ filgħodu, kif ukoll bejn il-5.00 u t-8.00 ta’ filgħaxija.

Wieħed minn sensiela ta’ strajkijiet
… Ir-raġuni mhiex biss il-flus!

Il-ħaddiema tat-trasport pubbliku ta’ Ruma ma ngħaqdux fl-istrajk nazzjonali li sar fi bliet oħra Taljani fosthom Milan u Turin fit-18 ta’ Ottubru li għadda. Dan l-istrajk huwa wieħed minn sensiela ta’ strajkijiet oħra li saru f’dan ix-xahar li kemm individwalment u agħar kollettivament, qegħdin jaffettwa b’mod negattiv ħafna lis-settur tat-trasport Taljan.

Fil-fatt, f’Ottubru biss, is-sistemi tat-trasport fl-Italja kienu temporanjament wieqfa minħabba strajkijiet fis-servizzi tal-ivjaġġar bl-ajru, ferroviji u servizzi tat-trasport pubbliku. Fost l-azzjonijiet imsemmija, hemm dik li saret fil-11 ta’ Ottubru meta ħarġu fuq strajk il-kontrolluri tal-ajru f’Bari, Brindisi, Milan u Palermo. L-għada, mit-12 saat-13 ta’ Ottubru twaqqfu s-servizzi ferrovjarji. Tajjeb li nsemmu li għall-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, huwa ppjanat strajk ieħor, din id-darba ta’ erba’ sigħat, mill-piloti tal-EasyJet. Dan l-istrajk se jsir eżattament bejn is-1.00 u l-5.00 taa’ wara nofsinhar.

L-azzjonijiet industrijali fl-Italja qegħdin isiru biex il-gvern ta’ Meloni jilqa’ għadd ta’ talbiet mill-ħaddiema tas-settur tat-trasport. It-talbiet jinkludu żieda fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar. Iżda mhux biss. Dawn il-ħaddiema qegħdin imissu wkoll ma’ kwistjonijiet serji politiċi fejn b’mod partikolari qegħdin jitolbu li jkun iffriżat ta’ infiq militari u l-waqfien ta’ konsenji ta’ armi lejn l-Ukrajna. Barra minnhekk f’isem il-membri tagħhom l-unjins għamlu talba biex ikun hemm “il-waqfien tal-ħakma kolonjali fuq art Palestinjana”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport