… iffirmat ma’ tmien Kunsilli Lokali oħra li se jsaħħaħ il-kooperazzjoni favur lokalitajiet aktar indaf
Ġie ffirmat ftehim ma’ tmien Kunsilli Lokali li permezz tiegħu d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni kompliet twessa’ l-operat tagħha. Dan il-ftehim isegwi ieħor li sar aktar kmieni din is-sena ma’ 12-il Kunsill Lokali ieħor, biex issa total ta’ 20 lokalità se jkunu qed igawdu minn investiment fir-riżorsi umani u makkinarju biex jitnaddfu toroq residenzjali.
“Wettaqna investimenti li qed iħallu l-frott. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet li qed nagħmlu, l-operat tagħna fl-indafa pubblika qiegħed ikompli jespandi u permezz t’hekk, in-nies qed ikomplu jħossu d-differenza. Il-bażi ta’ dawn il-ftehimiet tibqa’ dejjem il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni, biex permezz t’hekk nifhmu bl-aħjar mod ir-realtajiet uniċi ta’ kull raħal u belt,” sostna s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield.
Is-Segretarju Parlamentari fisser kif wasal iż-żmien li fil-pajjiż jiġu introdotti kunċetti ġodda ta’ pieni għal min jinqabad iħammeġ. “Lil hinn mill-flus u l-multi, jeħtieġ li jkun hemm sistema fejn min jonqos, jirrestitwixxi u jirripristina l-ambjent li jkun ivvandalizza jew ħammeġ.” Huwa spjega kif f’pajjiżna jeħtieġ naslu fi stat fejn il-komunitajiet tagħna jsiru aktar dixxiplinati u awtoregolati.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara spjega kif id-Diviżjoni hija impenjata favur pajjiż aktar nadif u organizzat.
It-tmien Kunsill Lokali li ffirmaw dan il-ftehim għall-5 snin li ġejjin huma dawk tal-Birgu, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Gżira, Marsaskala, l-Imqabba, ir-Rabat, u l-Marsa.