‘Il-quddiem erba’ kbar se jifdal furnara, imutu l-anzjani u ż-żgħażagħ ma jridux jafu b’dan ix-xogħol’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Maħruqa tihieli”. “Jien bajda nkun irridha”. Min jaf kemm smajnihom dawn għand il-furnara, waqt li nixtru dik il-ħobża friska li tkun ilha ftit ħin biss li ħarġet mill-forn, b’riħa tfuħ taqsmek. Morna Ħal Qormi, raħal rinomat mal-furnara. Kien magħruf għal ammont ta’ fran li kellu fih. Sengħa li llum bħal snajja oħra qiegħda ukoll tbatti. Ftit huma dawk iż-żgħażagħ li jiddeċiedu li jaqbdu din is-sengħa.

Sibna lil Alan, flimkien ma’ ibnu għaddejin bix-xogħol tagħhom. Xogħol li donnu ma jieqaf qatt. Alan, jgħidilna “aħna hawn nagħmlu l-ħobż u inqassmuh”. Jieqaf ftit u ssegwi l-mistoqsija tagħna.

Ikompli “bħala xogħol il-furnara naqsu. Dejjem jonqsu. Imutu l-kbar u ż-żgħażagħ ma jridux jafu b’dan ix-xogħol. Aħna hawn naħdmu bħala familja”.

Nistaqsuh jekk l-antenati tiegħu kinux furnara. “Missieri ma kienx furnar. Jien kont naħdem ma’ wieħed u imbagħad ħadt ix-xogħol għal rasi. Il-ġurnata tagħna ma tispiċċa qatt. Lejl u nhar nibqgħu għaddejjin”

F’din is-sengħa, mhux faċli ssib il-ħaddiema. Alan jikkonferma dan. “Diffiċli biex issib ħaddiema. Ħafna diffiċli. Ma ssibx illum. Ma ssibx. B’hekk qed jonqsu l-furnara hu. Jispiċċaw l-kbar u dejjem jitnaqqsu”.

Ħarsa madwar il-ħanut, naraw il-ħobża Maltija fl-aqwa tagħha. Għadha ħierġa mill-forn. Riħa tfuħ żuł minn hemm. Imma kemm għadha popolari il-ħobża Maltija, għax illum donnu kulħadd lesti biex jipponta subgħajh lejn dan il-prodott Malti, daqqa għax jgħidu li tħaxxen, daqqa għax fiha l-melħ u oħrajn.

Alan jgħidilna “il-ħobża Maltija ngħid li għadha u mhix. Għax illum hawn ħafna prodotti ‘brown’, oħrajn isemmulek id-dieta, kolesterol. Imma għadha popolari. Aħna apparti l-ħobża Maltija nagħmlu xogħol ‘fancy’ u Qagħak tal-Ħmir”.

Id-diskursata iddur fuq il-fran f’Ħal Qormi. “Ħa ngħidlek f’Ħal Qormi ma fadalx aktar minn tnax-il forn. Jgħidu li f’kull triq kien hemm tnejn jew tlett ifran. U llum go raħal fadal biss tnax”.

Ma stajniex ma nistaqsuhx dwar il-futur ta’ din is-sengħa. Iwieġeb “ma nafx x’naqbad ngħid. Il-quddiem erba’ kbar jifdal. Iż-żgħar kollha jispiccaw. Il-ħobża maltija tibqa’ imma jifdal il-kbar.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport