Tuesday, December 24, 2024

BAŻI TA’ VOTANTI LABURISTI

Aqra wkoll

Qatt ma sibt kredibbli l-argument tal-lemin f’Malta li l-bażi ta’ votanti “naturali” tiegħu li jgawdi minnhom il-Partit Laburista hu akbar minn tal-PN. Ma nafx minn fejn ġiet dil-ħrafa għax ir-riżultati storiċi tal-elezzjonijiet li seħħew matul is-snin juru xi ħaġa differenti. Hu minnu madankollu, li fl-aħħar snin seħħet bidla strutturali fil-mod kif il-votanti “ġodda” ppożizzjonaw ruħhom bejn il-partiti – li m’għandu xejn x’jaqsam ma’ xi “hardcore” Laburista akbar.

Anzi, l-istorja tal-aħħar sebgħin sena turi li filfatt, dil-qalba Laburista ċkienet sew matul is-snin għal raġuni evidenti. Fis-snin ħamsin u sittin tas-seklu l-ieħor, seħħet emigrazzjoni qawwija ta’ Maltin u Għawdxin lejn l-Awstralja, il-Kanada u r-Renju Unit. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, kienu familji tal-ħaddiema li telqu, b’maġġoranza kbira fosthom votanti Laburisti bit-tfal tagħhom. Dan ċekken bil-kbir il-“ħażna” ta’ voti Laburisti. Kien fis-snin sebgħin li l-emigrazzjoni massiva waqfet.

Nimmaġina li l-lemin f’Malta għandu bżonn tal-ħrafa li elettoralment dejjem sab ruħu minn taħt fin-numru ta’ segwaċi biex jaħbi d-diffikultajiet fondamentali tal-lum li mhuwiex jaffaċċja b’suċċess.

***

RIŻOLUZZJONIJIET 

Drawwa tal-Parlament Ewropew li xejn ma naqbel magħha hi li jinħarġu riżoluzzjonjiet dwar dak li qed jiġri mal-irkejjen kollha tad-dinja. B’mod selettiv, japplikaw kriterji “Ewropej” biex jiġġudikaw xinhu jiġri fihom. 

   Fit-taħlita li titgeżwer f’dawn ir-rizoluzzjonijiet diffiċli tgħid xi jkun tassew involut: jekk hux prinċipji ta’ imġiba demokratika li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem (kif jingħad); jew expressjoni ta’ x’jitqies li hu l-interess tal-potenzi Ewropej; jew sforz biex dan jew dak l-avversarju politiku barra jew ġewwa l-Unjoni Ewropea jiġi kkritikat u mżeblah; jew hux xi mottiv ieħor.

Allura ssib lil tal-lemin jaraw ma’ liema gvern xellugi se jaqbdu u bil-maqlub tax-xellug. Veru li kull Parlament għandu d-dritt jitkellem fuq xhiex irid, imma meta l-biċċa ssir qisha logħba bid-dellijiet, tispiċċa ma xxerred l-ebda dawl.

***

OMICRON

Fl-aħħar ġimagħtejn jew tlieta, bħal kulħadd, smajt kemm il-fehma u pronostku dwar l-aħħar varjant tal-Covid-19. Li jinfirex malajr ħafna, li perikoluż ħafna, li mhux daqstant perikoluż, li ġie mill-Afrika ta’ Fuq, li mhux hekk, li hemm bżonn jitqawwa l-isforz għall-vaċċinazzjoni b’titqib ta’ kulħadd, inklużi tfal… Jien wieħed minn dawk li personalment determinati nwettqu il-prekawzjonijiet kollha li jiddaħħlu fil-pajjiż. Imma dan kollu jagħtini x’nifhem li minkejja li għaddew aktar minn sena u nofs mill-wasla tal-imxija, għadna lura milli nifhmu kemm hi tassew qawwija u sa fejn tista’ teħodna. Hi ħaġa ċara wkoll li l-globalizzazzjoni tal-aħħar deċennji qed tagħtiha skop enormi biex tibqa’ ħajja u tinfirex.

Ekonomija

Sport