Wednesday, December 25, 2024

BCRS Malta tiċċelebra sentejn ta’ ħidma b’open day għal kulħadd

Aqra wkoll

Qatt ħsibt x’jiġri wara li tpoġġi l-flixkun tal-plastik jew il-bott tal-aluminju tiegħek f’waħda mill-magni tar-Reverse Vending Machines (RVMs) tal-BCRS jew meta jinġabru mill-ħanut tal-merċa viċin tiegħek? Inti stabbiliment tal-HoReCa li diġà qed tuża s-sistema tal-ġbir manwali u tixtieq tkun taf x’jiġri bil-basktijiet miġbura tiegħek? Issa ċ-ċans li ssir taf! Nhar is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2024, BCRS Malta qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku biex tiċċelebra sentejn ta’ tħaddim b’suċċess tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenitur tax-Xorb (DRS) f’Malta.

Din l-Open Day speċjali se toffri lill-viżitaturi ħarsa esklussiva minn wara l-kwinti dwar kif jaħdem il-proċess tar-riċiklaġġ. L-attività se ssir fil-Faċilità tar-Riċiklaġġ tal-BCRS Malta f’Ħal Far u hi opportunità għall-pubbliku biex jara b’għajnejh kif il-kontenituri tax-xorb jinġabru, jintgħażlu u jiġu ppreparati għall-esportazzjoni.

Il-ġurnata se tkun esperjenza divertenti u edukattiva għall-familja kollha, u se tgħaqqad attivitajiet interattivi b’fokus fuq is-sostenibbiltà. Viżitaturi ta’ kull età se jkollhom iċ-ċans li jesploraw il-faċilità permezz ta’ żjarat iggwidati, fejn ikunu jistgħu jsegwu l-vjaġġ ta’ kontenitur tax-xorb mill-mument li jiġi depożitat sa meta jkun imballat u lest għall-esportazzjoni. Tul it-triq, se jitgħallmu kif is-sistema tad-DRS qed tgħin lil Malta tnaqqas l-iskart u tippromwovi ekonomija ċirkolari.

It-tfal jistgħu jieħdu sehem f’workshops dwar prattiki ta’ riċiklaġġ kreattiv, fejn jitgħallmu kif oġġetti ta’ kuljum jistgħu jerġgħu jintużaw f’xi ħaġa ġdida, u jipparteċipaw f’logħob li jinkoraġġixxi drawwiet tajbin ta’ riċiklaġġ. Se jkun hemm ukoll wirjiet li juru kif it-tipi differenti ta’ materjali – plastik, aluminju, u ħġieġ – jiġu pproċessati.

Biex tinħoloq atmosfera vibranti, l-avveniment se jkun fih varjetà ta’ divertiment għall-etajiet kollha. Fosthom dehra speċjali mill-maskot ta’ BCRS, wirjiet ta’ maġija u bżieżaq għat-tfal, u park ta’ divertiment għat-tfal. Il-familji jistgħu wkoll igawdu żjarat minn mascots ta’ karattri popolari tat-tfal u opportunitajiet għar-ritratti mat-trakkijiet tal-ġbir. B’ħafna attivitajiet għal kulħadd, l-avveniment iwiegħed li se jkun wieħed informattiv u divertenti.

M’hemmx għalfejn tirreġistra u d-dħul huwa b’xejn. Kemm jekk int kurjuż dwar il-proċess tar-riċiklaġġ jew trid titgħallem aktar dwar kif l-isforzi tiegħek qed jagħmlu differenza, din l-Open Day hija opportunità biex tesplora d-dinja tar-riċiklaġġ b’mod divertenti u inofrmattiv. B’xi ħaġa għal kulħadd, din hi ħarġa ideali għall-familja u fl-istess waqt tippromwovi wkoll is-sostenibbiltà.

L-Open Day ta’ BCRS se ssir is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2024, mill-10.00 a.m. sal-5.00 p.m. fil-BCRS Malta Clearing Centre f’Ħal Far.

Ekonomija

Sport