Saturday, November 16, 2024

Beethoven jiftaħ l-istaġun il-ġdid tat-Teatru Manoel 

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Ottubru, Joanne Camilleri se tkun qed iddoqq il-famuża sonata Hammerklavier ta’ Ludwig van Beethoven fuq il-pjanu bħala t-tnedija tal-programm tal-istaġun 2024/25 tat-Teatru Manoel.

Dan il-lejl maġiku ta’ mużika klassika se jkun qed jikkonsisti f’żewġ sonatas ta’ Beethoven imtella’ mill-pjanista rinomata Maltija, Joanne Camilleri. Piano Sonata in E Minor, Op. 90 kienet miktuba fis-sajf tal-1814 u kienet iddedikata lill-Prinċep Moritz von Lichnowsky, ħabib u benefattur tal-kompożitur.

Hija biċċa xogħol mill-iktar maġika, l-ewwel parti hija mimlija passjoni, b’enerġija solitarja, segwita minn moviment b’melodija lirika lussuża, li Beethoven, għalkemm mhux b’mod uffiċjali, jirreferi għaliha bħala ‘Konverżazzjoni Hienja mal-Imħabba ta’ Ħajtu’. 

Il-Piano Sonata No. 29 in B♭ major, Op. 106 ta’ Beethoven (magħrufa wkoll bħala Hammerklavier) hija t-tieni u l-ikbar kitba mużikali tas-serata. Hija rrikonoxxuta minn ħafna bħala l-iktar xogħol importanti tal-kompożitur Ġermaniż, iktar tard f’ħajtu u hija wkoll irrikonoxxuta bħala waħda mill-aqwa sonatas fuq il-pjanu ta’ kull żmien.

Is-sonata tlestiet fl-1818, u hija meqjusa bħala waħda mill-iktar kompożizzjonijiet impenjattivi fuq il-pjanu, u wieħed mill-iktar xogħlijiet ta’ stoffa fir-repertorju tal-pjanu klassiku. L-ewwel rappreżentazzjoni pubblika ddokumentata ta’ Hammerklavier ittellgħet fl-1836 minn Franz Liszt. Din is-sonata hija grandjuża kemm fl-isfidi li toffri fit-teknika tagħha u anke fil-kapaċità emozzjonali tagħha. 

Joanne Camilleri hija stilla promettenti fid-dinja tal-mużika klassika u hija meqjusa bħala waħda mill-iktar pjanisti eċċellenti u mfittxija li ħarġu minn Malta, maħbuba ferm mill-udjenzi tagħha għall-passjoni u s-sensittività fir-rappreżentazzjonijiet tagħha.

Ta’ sikwit, Camilleri ttella’ rappreżentazzjonijiet mir-repertorju vast tagħha kemm f’pajjiżha, Malta u anke madwar l-Ewropa. Ir-rappreżentazzjonijiet tagħha ħaduha madwar id-dinja u kienet mistiedna għal diversi avvenimenti prestiġjużi sabiex turi t-talent tagħha, fosthom fil-Palazz tal-President f’Malta, fir-residenza tal-Ambaxxatur Ġermaniż u fir-residenza tal-Ambaxxatur Amerikan.

Tellgħet rappreżentazzjonijiet flimkien ma’ mużiċisti internazzjonali prominenti oħra, fosthom il-pjanista Brittanika Ann Rachlin għal Mozart Night fit-Teatru Manoel meta Camilleri kien għad kellha biss 13-il sena. 

It-talent impekkabbli ta’ Joanne ġie deskritt mill-pjanista internazzjonali William Fong bħala “wirja affaxxinanti ta’ bravura teknika, b’servizz komplut lejn il-mużika… din kienet wirja tal-ogħla kalibru, rappreżentazzjoni li veru esibixxiet b’mod ħolistiku l-essenza ta’ dan ix-xogħol. Biċċa xogħol mużikali u pjaniżmu li jqanqlek minn mużiċista ta’ intelliġenza liema bħala u b’viżjoni artistika”.

Camilleri se tkun qed ittella’ rappreżentazzjoni fit-Teatru Manoel nhar it-Tlieta, l-1 ta’ Ottubru fit-8pm. L-istaġun tat-Teatru Manoel 24/25 ikompli wara dan il-kunċert permezz ta’ għadd ta’ avvenimenti differenti li jvarjaw minn mużika klassika għal teatru mużikali, traġedji Griegi u pantomimi tal-Milied, u ħafna iktar.

Għal iktar informazzjoni fuq il-programm ta’ avvenimenti ta’ dan l-istaġun u biex tibbukkja l-biljetti tiegħek, żur http://teatrumanoel.mt/ jew ċempel il-Box Office tat-Teatru Manoel fuq (+356) 21246389. 

Ekonomija

Sport