Sunday, December 22, 2024

Bejgħ ta’ aktar minn €100,000 mill-forn tal-ħabs

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet mill-forn tal-ħabs sar bejgħ ta’ €105,249.03 li jfisser żieda sostanzjali fuq is-sena ta’ qabel. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Mark Anthony Sammut.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru sostna li hu jinsab informat li din l-inizjattiva ssir bħala parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza. Dawn il-persuni mhux sempliċiment qed jaħdmu fl-industrija tal-ħabs iżda fuq kollox qed jakkwistaw ħiliet li se jużaw malli jiskontaw is-sentenzi tagħhom.

Kompla jgħid li fis-sena 2023 kien hemm bejgħ ta’ €105,249.03 u spejjez ta’ €74,388.47, għal profitt ta’ €30,860.56. L-ispejjez jinkludu x-xiri ta’ materjal kemm dak marbut mat-tisjir u dak marbut ma’ pakkeġjar u dak li hemm bżonn għall-prodott finali, għodda, tiswijiet, spejjeż ta’ ħaddiema tal-Aġenzija, u permessi.

Meta ġie biex jitkellem dwar is-sena 2022, il-Ministru Camilleri qal li f’dik is-sena li kien hemm bejgħ ta’ €67,325.00 u spejjez ta’ €32,965.57, għal profitt ta’ €34,359.43. L-ispejjeż jinkludu x-xiri ta’ materjal kemm dak marbut mat-tisjir u dak marbut mall-pakkegjar u dak li hemm bżonn għall-prodott finali, għodda, tiswijiet, spejjeż ta’ ħaddiema tal-Aġenzija, u permessi.

L-amministrazzjoni tal-ħabs u anke persuni li jinsabu jiskontaw sentenza ddeċidew li jagħtu dawn il-fondi f’donazzjonijiet lil Għaqdiet Mhux Governattivi.

Dawn kienu jammontaw €8,556 għall-Istrina fis-sena 2022 u, €1,558 għall-Istrina u €3,293.00 għall-Puttinu fis-sena 2023. Il-Ministru stqarr li ma’ dawn l-ammonti tal-Istrina kien hemm ukoll ġabra mill-priġunieri nfushom, kkordinata mill-Kummissarju għall-ħarsien tal-priġunieri.

Ekonomija

Sport