Saturday, May 4, 2024

BEJN BIŻA’ U OTTIMIŻMU ŻEJJED

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

Wasalna fi stadju tal-pandemija fejn in-nies iddejqet biha imma fl-istess ħin dejjem aktar qed tqisha bħala fenomenu aktar gravi milli ħasbet għall-ewwel. Id-dwejjaq ġej mill-fatt li r-restrizzjonijiet soċjali u personali saru wisq toqol monotonu għal ħafna waqt li wkoll l-inkwitijiet ekonomiċi nxterdu.

Dan qed idaħħal sens ta’ biża’ li jrid jiġi kontestat. Qatt mhu tajjeb li s-sentiment ta’ pessimiżmu jikber wisq f’soċjetà.

Madankollu, dal-pessimiżmu ma jistax jintrebaħ billi jiġu nkoraġġit sens falz ta’ fiduċja… kif pereżempju jagħmel il-President Trump. Fehma hekk twassal għal nuqqas ta’ kawtela fil-mod kif iċ-ċittadini jġibu ruħhom u fl-osservanza tal-miżuri sanitarji. Terġa’, jekk l-ottimiżmu jkun imsejjes fuq aspettativi eżaġerati (bħal dik li se jkollna vaċċin kontra l-imxija sa għada), meta dawn jisfaw żbaljati, ċ-ċansijiet huma li d-dwejjaq jiżdiedu.

Ottimiżmu żejjed jista’ jagħmel deni daqs is-sentiment ta’ biża’.

L-ELEZZJONI AMERIKANA

Aktar minn fl-aħħar waħda, din l-elezzjoni Amerikana tatna dehra ta’ konfrontazzjoni bejn il-populiżmu “modern” u t-tradizzjonaliżmu politiku fit-tmexxija politika kif prattikat wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Kieku ma kellniex il-Covid 19 fin-nofs, x’aktarx li l-konfront kien joħroġ aktar ċar.

Fuq naħa, kellna l-preżentazzjoni tad-dinja f’abjad u iswed, għalkemm dak li kien abjad ilbieraħ seta’ sar iswed sal-lum. Il-verità fattwali ftit ingħatat importanza sakemm dak li qed jintqal jista’ jiftiehem bħala stqarrija qawwija li lesta turi kif malajr se jinħallu l-problemi. Ħalliha mbagħad li dak li kien soluzzjoni dalgħodu, jista’ sal-lejla jitqies bħala żball kbir mill-istess kelliem.

Fuq in-naħa l-oħra kellna l-bixra ta’ min jemmen li l-aħjar triq hi dik tan-nofs u tasal għaliha bil-kompromessi u s-sens komun. Il-problema hi li tasal għaliha wkoll fi sħubija ma’ saffi differenti ta’ ċittadini li jwassluk għal kompromessi xierqa, imma li parti sostanzjali mill-poplu ma tifhimx. 

POLARIZZATI VERSU F’KOALIZZJONI

Il-politika Maltija kienet u baqgħet polarizzata (bħal dawk fuq skala ferm akbar, ovvja, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti). Ta’ spiss nisimgħu l-argument li kieku ħadet is-sura matul is-snin fejn aktar minn żewġ partiti jinsabu fil-logħba, konna nsegwu aktar il-mudelli Ewropej ta’ tmexxija governattiva, ippernjati fuq il-koalizzjonijiet.

  Biss nafu sew liema struttura politika twelled l-aħjar governanza? Igħidulna li b’koalizzjoni, id-deċiżjonijiet estremi jiġu evitati u l-abbużi ta’ patrunaġġ politiku qawwi u ta’ korruzzjoni jitrażżnu aħjar.

Kemm hu minnu dan? Minn mindu d-Democrazia Cristiana tilfet id-dominanza tagħha fil-politika Taljana ma jidhirx li l-klijenteliżmu u l-korruzzjoni naqsu daqstant.

Fuq kollox, liema struttura politika tiffavorixxi l-aktar it-teħid ta’ deċiżjonijiet effettivi fil-ħin? 

Sport