Saturday, May 18, 2024

Bejn illum u għada tintlagħab l-aħħar ġurnata mill-fażi tal-gruppi tal-UCL

Aqra wkoll

Bejn illum u għada se tkun qed tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, fejn diversi timiiet se jkunu qed ifitxxu li jiksbu l-kwalifikazzjoni għar-round tal-aħħar 16.

Liverpool v Napoli

Din hija partita bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika ta’ grupp A li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Napoli għaddejjin minn mument maġiku kemm fl-Italja kif ukoll fl-Ewropa bl-akkwisti tagħhom li ħadu matul dan l-istaġun li qed ituhom il-frott mixtieq.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Liverpool li s-Sibt li għadda tilfu b’mod drammatiku kontra Leeds United u niżlu xi ftit fil-klassifika tal-futbol Ingliż.

Fl-ewwel leg li ntlagħab fi Stadio Diego Armando Maradona, kienu l-Partenopei li għelbu lil Liverpool 4-1 fejn kienu taw wirja kbira. 

Napoli għandhom biss lil Salvatore Sirigu u Adil Rrahmani neqsin minħabba injury. Min-naħa ta’ Liverpool, Diogo Jota, Joel Matip, Luis Diaz, Artur u Naby Keita se jkunu neqsin. 

Bayern Munich v Inter

Bayern Munich jippruvaw iżommu r-rekord perfett tagħhom f’din il-kompetizzjoni għalkemm għandhom impenn iebes kontra Inter. It-tim immexxi minn Julian Nagelsmann rebaħ il-ħames logħbiet li lagħab s’issa u litteralment iddomina l-grupp li kien jinkludi wkoll lil Barcelona u Victoria Plzen. 

Inter diġa’ aċċertaw posthom għat-tieni rawnd tal-kompetizzjoni meta kisbu 10 punti minn ħames logħbiet wara tliet rebħiet u dro. It-tim immexxi minn Simone Inzaghi bħal donnu ġej f’tiegħu wara xi partiti fejn ma setax jimponi l-logħob tiegħu. 

Fl-ewwel leg kienu t-tim Ġermaniż li rebaħ 2-0 barra minn daru. Nagelsmann ma jistax jinkludi lill-goalkeeper regolari Manuel Neuer, Lucas Hernandez u Bouna Sarr. 

Inter għandhom barra lil Danilo D’Ambrosio u Marcelo Brozovic.

Marseille v Tottenham Hotspur

Tottenham u Marseille jiltaqgħu kontra xulxin fi grupp verament inċert fejn l-erba’ timijiet li hemm kollha għandhom ċans jgħaddu. 

Marseille għandhom bżonn rebħa sabiex forsi jkollhom xaqq ta’ tama li jgħaddu għar-rawnd li jmiss. Huma jinsabu fl-aħħar post b’sitt punti iżda żewġ punti bogħod minn The Spurs. 

Tottenham ġejjin minn dak id-dro diżappuntanti kontra Sporting Lisbon fejn anke tkeċċa l-kowċ Antonio Conte wara protesti kbar.

Fl-ewwel leg kienu Tottenham li rebħu 2-0 lil Marseille. Huma se jkollhom neqsin lil Richarlison u Dejan Kulosevski.
Marseille ma jistgħux jinkludu lil Eric Bailly li jinsab imweġġa’.

Chelsea v Dinamo Zagreb

Chelsea jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti fl-impenn li għandhom f’darhom kontra l-Kroati ta’ Dinamo Zagreb. Fil-fatt din hi partita bejn tal-ewwel u tal-aħħar b’Chelsea li kellhom vjaġġ komdu f’dan il-grupp li kien jinkludi wkoll lil Salzburg u Milan. 

Dinamo Zagreb għandhom bżonn bilfors rebħa sabiex iżommu ħajjin iċ-ċansijiet li għallinqas jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League. Huma għandhom erba’ punti u jinsabu fl-aħħar post.

Fl-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fi Stamford Bridge, kienu proprju Dinamo Zagreb li għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 1-0.

It-tim Kroat għandu barra lil Josip Sutalo u Bosko Sutalo filwaqt li Chelsea se jkollu jgħaddi mingħajr Kepa Arrizabalaga, Kalidou Koulibaly, Reece James, Wesley Fofana u Ngolo Kante.

AC Milan v Salzburg

AC Milan iridu rebħa akkost ta’ kollox sabiex iserrħu rashom li jikkwalifikaw għall-fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni. Huma jaffrontaw f’darhom lil Salzburg tal-Awstrija f’konfront fejn it-tliet punti huma imperattivi. 

Hekk kif Chelsea diġa’ huma kkwalifikati għar-rawnd li jmiss Milan għandhom seba’ punti u jinsabu fit-tieni post iżda punt warajhom hemm proprju Salzburg. Għalhekk din hi speċi ta’ finali għal min se jieħu t-tieni post tal-klassifika.

Meta ltaqgħu kontra xulxin dawn iż-żewġ timijiet fl-Awstrija, l-iskor kienet intemm fi dro ta’ 1-1.

AC Milan għandhom numru ta’ plejers barra fosthom Davide Calabria, Alexis Saelemaekers, Mike Maignan, Alessandro Florenzi u Zlatan Ibrahimovic.

Salzburg ma jistgħux jinkludu lil Oumar Soulet, Sekou Koita, Nicolas Kapaldo, Fernando u Samson Tijani.

Juventus v PSG

Juventus huma diġa’ eliminati minn din il-kompetizzjoni wara li tilfu erbgħa mill-ħames konfronti tagħhom. L-avversarji tagħhom huma Paris St Germain, tim li qed jaqsam l-ewwel post tal-klassifika bi 11-il punt flimkien ma’ Benfica. 

Il-Bianconeri qed jittamaw li għallinqas ikollhom il-konsolazzjoni li jiksbu t-tielet post li jkun ifisser kwalifikazzjoni għall-UEFA Europa League għalkemm bl-istess numru ta’ punti għandhom ukoll lil Maccabi Haifa. 

Juventus  għandhom lista sħiħa ta’ plejers imweġġgħin fosthom Dusan Vlahovic, Angel Di Maria, Samuel Iling, Westin McKennie, Paul Pogba, Manuel Locatelli u Paredes b’Allegri li se jkollu jilgħab b’diversi plejers żgħażagħ.

PSG għandhom biss lil Danilo Pereira mweġġa’. 

Fl-ewwel leg kienu PSG li rebħu 2-1 lil Juventus.

Real Madrid v Celtic

Real Madrid jospitaw lil Celtic Glasgow fi dwell bejn l-ewwel u l-aħħar tim fil-klassifika. Kif mistenni, il-Madrileni jinsabu fl-ewwel post għalkemm iridu rebħa sabiex jaċċertaw ruħhom li jħallu lir-rivali tagħhom RB Leipzig fit-tieni post.

Min-naħa tagħhom, Celtic kellhom żewġ dros u tliet telfiet mill-ħames logħbiet li lagħbu f’dan il-grupp. Huma diġa’ jinsabu eliminati minn kollox u din se tkun l-aħħar partita Ewropea għal dan l-istaġun. 

Celtic ma jistgħux jinkludu lil Stephen Welsh, Callum McGregor u Carl Starfelt filwaqt li Real Madrid għandhom barra lil Karim Benzema u Aurelien Tchouameni. 

Fl-ewwel konfront bejniethom, kienu Real Madrid li rebħu lil Celtic 3-0.

Manchester City v Seville

Manchester City huma favoriti li jiksbu t-tliet punti minn dan il-konfront kontra Seville. It-tim immexxi minn Pep Guardiola jinsab fl-ewwel post ta’ grupp G meta kiseb 11-il punt minn ħames logħbiet. 

Min-naħa tagħhom Seville għandhom tama żgħira li jistgħu jiksbu t-tieni post għalkemm jistennew x’se jagħmlu Borussia Dortmund fil-konfront li għandhom kontra Copenhagen.

Is-Citizens għandhom lil Cole Palmer, Erling Haaland, Kyle Walker u Kalvin Phillips li huma mweġġgħin filwaqt li Seville se jkollhom nieqes biss lil Nianzou Kouassi.

Sport