Saturday, May 18, 2024

Belt fl-Iżlanda evakwata minħabba li vulkan jista’ jiżbroffa minn ħin għall-ieħor

Aqra wkoll

Belt fl-Iżlanda, fejn hemm residenti mal-4,000 persuna, tista’ ssofri minn ħsarat estensivi kawża ta’ vulkan li mistenni jiżbroffa minn ħin għall-ieħor. 

Il-belt ta’ Grindavik, qrib il-kapitali Reykjavík, ġiet evakwata fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu wara li nħassu numru ta’ theżżiżiet, li huwa mifhum li kienu ġejjin mill-possibilità ta’ żbroff ta’ vulkan. 

“Aħna tassew imħassba dwar id-djar kollha u l-infrastruttura fiż-żona,” qal Vidir Reynisson, Kap tal-Protezzjoni Ċivili u l-Ġestjoni tal-Emerġenza tal-Iżlanda.

Il-belt – madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Lbiċ ta’ Reykjavik – tinsab ħdejn l-impjant ġeotermali Svartsengi, il-fornitur ewlieni tal-elettriku u l-ilma għal 30,000 resident fil-peniżola Reykjanes. 

Grindavik tinsab ukoll qrib ir-resort Blue Lagoon, destinazzjoni turistika popolari li kellha tagħlaq ukoll fl-aħħar jiem.

L-Iżlanda għandha 33 vulkani attivi, iddikjarat stat ta’ emerġenza u ordnat l-evakwazzjoni mandatorja ta’ Grindavik kmieni s-Sibt. Minħabba f’dan infetħu wkoll xelters ta’ emerġenza u ċentri ta’ għajnuna f’diversi bliet fil-qrib.

Il-midja fil-pajjiż iżda rrapportat li l-parti l-kbira tar-residenti ta’ Grindavik kienu marru joqogħdu ma’ xi ħbieb jew mal-familjari tagħhom. 

Sport