Sunday, December 22, 2024

Benefiċċji li grazzi tagħhom inħarġu mir-riskju ta’ faqar wieħed minn kull għaxra li kienu f’din is-sitwazzjoni

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa tħabbar li 97,000 familja, jew kważi 190,000 persuna, se jingħataw l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-benefiċċju addizjonali għall-għoli tal-ħajja. B’kollox dawn il-familji se jirċievu kważi €24 miljun. 

Dan wara li ġimgħa qabel madwar 41,000 familja rċivew il-pagament tac-children’s allowance dovut għall-ewwel tlett xhur tas-sena, liema pagament jinkludi ż-żieda rekord ta’ €250 li tħabbret fl-aħħar budget. B’kollox dan is-sostenn kien ilaħħaq aktar minn €14 miljun.

Dan ifisser li fuq medda ta’ ġimgħa l-familji bi tfal u l-pensjonanti fuq l-anqas dħul irċivew f’għajnuna mill-Gvern b’madwar €38 miljun addizjonali.

Fid-draft budgetary plan ippreżentat lill-Kummisjoni Ewropea l-Gvern kien għamel stima li l-benefiċċju addizjonali mogħti fil-budget preċedenti kif ukoll iż-żieda fic-children’s allowance kienu naqqsu r-rata tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar bi kważi punt perċentwali. Dan ifisser li wieħed kull għoxrin persuna li kienu f’riskju ta’ faqar kienu nħarġu minn din is-sitwazzjoni grazzi għal dawn iż-żewġ miżuri.  

Minħabba li l-benefiċċju addizjonali s-sena d-dieħla ser ikun aktar ġeneruż u ngħatat mill-ġdid żieda rekord fic-children’s allowance, huwa mistenni li se jerġa jkun hemm tnaqqis simili fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar. Li jkun ifisser li fuq medda ta’ sentejn wieħed minn kull għaxar persuni li kienu f’sitwazzjoni ta’ riskju ta’ faqar ser ikunu nħarġu minn din is-sitwazzjoni grazzi għall-benefiċċji addizjonali u t-titjib tac-children’s allowance.

Sa tlett snin ilu filwaqt li kien magħruf li l-għoli tal-ħajja jolqot b’mod aktar qawwi lill-familji bi dħul taħt il-medja nazzjonali, speċjalment lill-pensjonanti, ma kien jingħata l-ebda rimedju għal dan il-piż. Dan inbidel bit-twaqqif tal-benefiċċju addizjonali għall-għoli tal-ħajja fil-bidu tat-tielet leġislatura ta’ Gvern Laburista. 

Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid, l-familji bi dħul taħt il-medja nazzjonali barra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, saru jieħdu wkoll il-benefiċċju addizjonali għall-għoli tal-ħajja. Dan jinħadem billi tiġi kkalkulata r-rata ta’ għoli tal-ħajja fuq l-oġġetti li l-aktar jikkonsmaw il-pensjonanti u l-familji bi dħul baxx u tinħadem COLA addizjonali. Din il-COLA tinġemma maż-żmien ħalli l-effetti tal-inflazzjoni tal-passat jibqa jiġi kkumpensat, u l-benefiċċju ma jkunx fuq l-inflazzjoni f’sena waħda biss.

Għall-2025 dan se jfisser €50 miljun aktar fil-bwiet tal-familji bi dħul anqas mill-medja nazzjonali. Ta’ min jispjega li l-medja ta’ dħul nazzjonali tinħadem skont kemm hemm membri fil-familja, u allura familji kbar jintuża kejl akbar tal-bżonnijiet tagħhom. Anke dan huwa differenti mill-mekkaniżmu tal-COLA fejn il-kobor ta’ familja ma jkunx ikkunsidrat.

L-anqas li se jieħdu dawn il-familji huwa benefiċċju ta’ aktar minn €145, mentri l-benefiċċju massimu se jkun €1,500. Madwar 28,500 koppja pensjonanti se jgawdu minn dan is-sostenn, kif ukoll kważi 41,800 armel jew armla. Barra minn hekk kważi 27,000 familja bit-tfal se jirċievu dawn il-pagamenti, b’tendenza li jkunu l-aktar li jirċievu ammonti sostanzjali għax il-benefiċċju jinħadem skont kemm ikun hemm membri fil-familja.

It-tieni pagament għal dan il-benefiċċju sejjer jingħata f’Ġunju li ġej, u mistenni jilħaq €26 miljun.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport