Friday, May 3, 2024

Bernard Grech jappella biex in-nies jagħtu aktar flus lill-PN

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, indirizza attività politika fil-Għargħur. Hawnhekk Grech insista li l-politika tal-partit tiegħu hija ffokata fuq l-individwu u għall-okkażjoni tal-anniversarju minn mindu ġie elett Kap tal-PN, li jaħbat il-Ħadd li ġej, appella biex in-nies jagħtuhom aktar flus.

Grech ġie elett bħala l-mexxej tal-partit fl-oppożizzjoni fit-3 ta’ Ottubru 2020 u rigward dan qal li, “din hija data li lili tagħtini sodisfazzjon għax f’din is-sena għamilna tibdiliet kbar. Għamilna ħafna fejn ħloqna makna ta’ ideat ġodda u kontinwi, ġeddidna partit b’uffiċjali li jaħdmu b’enerġija kbira u naħdmu ta’ kuljum biex naraw li nagħtu l-aħjar politika. Għandna bżonn lilek ukoll biex inkomplu nagħmlu aktar politika u biex ikollna aktar flus ħalli nagħmlu politika aħjar. Jiena nagħmel appell biex intkom tagħtuna aktar fondi għax aħna għandna bżonn il-fondi tiegħek. Aħna miegħek irridu nibnu mhux biss fil-politika, imma anke partit aktar b’saħħtu finanzjarjament”.

Fl-intervent tiegħu l-Kap tal-PN semma’ l-fatt li l-poplu huwa ċ-ċentru tal-politika tiegħu u bħala eżempji tkellem dwar il-pazjenti li jkollhom bżonn il-kura barra minn Malta. Huwa qal li bħala Prim Ministru jrid jara li kif hemm ftehim mar-Renju Unit li jintbagħtu u jiġu kkurati nies barra minn pajjiżna, ikun hemm ftehim simili ma’ pajjiżi oħra fil-UE. Sostna li fi ftit kliem, għall-PN m’hemmx prezz għas-saħħa tal-persuna u li għall-poplu jrid kwalità ta’ ħajja aħjar u l-aħjar possibbiltà ta’ saħħa u ħajja. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed ukoll li ladarba jieħu t-tmun tal-pajjiż se jagħti żieda fis-salarji tal-edukaturi lokali kif ukoll titjieb fil-kundizzjonijiet tagħhom bil-għan li dawn “jingħataw l-istima li tixirqilhom”. Grech qal li jekk irridu ndawwru l-politika mal-persuna, irridu nieħdu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal u lill-edukaturi kollha. 

Fost eżempji li ta dwar diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn il-professjonisti, il-Kap tal-PN qalli hemm min ilu ħames snin jistenna biex jogħla grad u oħrajn li waslu sal-massimu li jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom u fadlilhom is-snin jaħdmu bl-istess paga. Huwa qal li rridu nuru li l-edukazzjoni hija importanti u li nħajjru liż-żgħażagħ tagħna lejn din il-professjoni u dan nagħmluh billi nagħtuhom paga diċenti.

Fost temi oħra li tkellem dwarhom Bernard Grech ħabbar li ladarba fil-Gvern se jżiedu sew il-ġranet tal-parental leave; li ż-Żonqor se jingħata lura lill-poplu; li se jgħinu lill-bdiewa u lir-raħħala jixtru l-art tagħhom u li l-eżenzjoni tal-VAT lin-negozji minn €30,000 se titla’ għal €60,000. 

Fi tmiem l-attività politika Grech għal darb’oħra semma’ l-grey listing fejn qal li l-grey listing fir-realtà mhux għal pajjiżna biss iżda għal kollha kemm aħna u kkonkluda li, “il-fiduċja li għandna bżonn bħala pajjiż, irrid inġibha jien bħala Prim Ministru tal-pajjiż”.

Sport