Monday, April 22, 2024

IL-ĦIDMA TKOMPLI

Aqra wkoll

Dħalt għall-politika biex inservi u qiegħed nagħmel dan b’impenn kontinwu ġurnata wara l-oħra. Nagħmel dan għax għandi s-sapport tal-familja u ħbieb oħra li jiddedikaw ħinhom biex jgħinuni. Il-qofol ta’ kollox huwa n-nies. Politika għan-nies li huma stess, ġieli anke mingħajr ma jafu, jagħmluli l-kuraġġ li nkompli f’din it-triq. Ir-rispons u l-ħeġġa li juruni meta jafu li hemm xi ħadd lest li jismagħhom u jaġixxi biex jgħinhom, jimlini b’entużjażmu li nibqa’ għaddej. Il-perm ta’ dan kollu huwa l-mexxej tagħna Robert Abela li b’ħidmietu jaspirana biex nibqgħu għaddejjin. Taħt it-tmexxija tiegħu il-Partit Laburista sar mimli b’enerġija pożittiva fejn għalkemm b’mod separat jaħdem u jirrifletti l-politika tal-Gvern Laburista.

Rally u ġbir ta’ fondi

Din il-ġimgħa l-Partit Laburista kien impenjat b’żewġ attivitajiet kbar u importanti bħala Partit. Inġeddu Malta Flimkien kienet it-tema tal-konferenza tal-Partit Laburista fejn ġew organizzati workshops u nhar it-Tnejn li għadda ingħalqet bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela. Diskors li jmliena b’kuraġġ biex naħdmu iktar sabiex nimmodernizzaw il-politika tagħna u nħarsu lejn futur sabiħ li għad irid jiġi. Diskors imqanqal fejn spjega f’hiex jemmen huwa personali u fejn irid iwassal lil dan il-pajjiż. Jien li attendejt f’din il-konferenza ħassejt l-entużjażmu ta’ dawk preżenti u fuq kollox l-għaqda li tirrenja fostna. Ilkoll flimkien naħdmu għal għan wieħed. 

Imbagħad l-għada t-Tlieta fil-festa publika kellna l-ġbir ta’ fondi. Għal darb’oħra attendejt u apprezzajt lill-pubbliku inġenerali li kkonkorra bil-kbir u resaq lejn il-Partit Laburista. Wieġeb għas-sejħa u bil-ftit mingħand il-ħafna ġbarna ssomma ta’ ‘lfuq minn €668,000. Grazzi lil kull min ta d-donazzjoni tiegħu.

Irrid nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil Daniel Micallef, Ramona Attard u George Azzopardi li flimkien ma’ individwi volontarji oħra tellgħu dawn l-attivitajiet.

Wens lill-każini

Din il-ġimgħa wkoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat ħabbrulna li l-Gvern se jkun qed jinnegozja ma’ sidien ta’ propjetajiet privati biex jakkwista binjiet li bħalissa huma okkupati mill-każini tal-baned. Fondi li ġejjin mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li ħaddiehor huwa kontriha imma qatt ma wiegħed li jneħħieha. Dan il-Gvern huwa kommess li jiġġenera l-ġid biex imbagħad iqassam u jifrex f’kull faxxa tas-soċjetà fejn hemm bżonn.

Ilkoll nafu li din tal-każini hija problema u sitwazzjoni delikata miż-żewġ naħat. Għaldaqstant il-Gvern ma qgħadx iħares u josserva mill-bogħod imma kien hu parteċipi biex tinstab soluzzjoni. Ninsab kuntent b’din l-aħbar pożittiva għax huwa pass ‘lquddiem għal dawk il-każini li qed jaffaċċjaw problema, speċjalment lis-soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule – Banda Kristu Re.

L-iskola

Għalkemm għadha s-sħana u ħafna għadhom jiffrekwentaw il-bajjiet, il-vaganzi tas-sajf ġew fit-tmiemhom b’ħafna studenti jirritornaw l-iskejjel minn għada. Kull stadju fih tiegħu għax kull sena skolastika hija importanti. Fiż-żjajjar tal-familja meta s-suġġett jaqa’ fuq l-edukazzjoni, nisma’ ħafna kemm hi importanti dik is-sena partikolari. Ġenituri tat-tfal żgħar jagħtu l-importanza għall-ewwel sena sakemm uliedhom jidħlu fir-rutina u s-sistema edukattiva. Imbagħad għax jibdew l-ewwel sena primarja. Ir-raba’ sena jibdew bl-eżamijiet u s-sitt sena għax twassalhom għas-sena sekondarja u nibqgħu sejrin hekk. Għax fil-verità kull sena hija importanti u għalhekk irridu naraw l-edukazzjoni b’mod holistiku fejn is-sistema tiġbor lil kull student u nimmassimizzaw l-abbiltajiet li nistgħu noffru lill-istudenti tagħna. 

Jien bħal ħafna qiegħed inħares il-quddiem biex din is-sena tressaqna iktar lejn in-normalità li nafu biha qabel il-pandemija bi protokolli ġodda li jqarrbu lejn dak li l-istudenti kienu mdorrijin bih qabel. Napprezza mmens ix-xogħol tal-edukaturi kollha li b’dedikazzjoni jgħallmu lil uliedhom anke f’ċirkustanzi differenti u diffiċli għalihom. Messaġġ ta’ tama u kuraġġ għaż-żmien li ġej. Is-sena skolastika t-tajba lilkom l-edukaturi u anke lill-istudenti.

L-elezzjoni ġenerali

F’dan iż-żmien ukoll niltaqa’ ma’ min niltaqa’, kulħadd jistaqsini meta ġejja l-elezzjoni. Uħud joħorġu bit-teoriji tagħhom ta’ meta suppost għandha tiġi l-elezzjoni. Għaliex għandha tissejjah f’Novembru jew fi Frar. Inkun onest smajt xahar xahar minn issa sas-sajf tas-sena d-dieħla. Inkun sinċier magħkom, ġieli nitbissem b’li nisma’ però minn naħa l-oħra hawn min vera jidħol fil-fond u jgħarbel il-politika. Il-bogħod minn din it-tombla ta’ dati ta’ meta ġejja l-elezzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fir-Rally qalilna biex naqtgħu dawn il-ħafna spekulazzjoni biex ma niddevjawx l-attenzjoni tagħna u nkomplu naħdmu kontinwament biex nagħmlu żgur li qed nagħmlu differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies u ninsġu politika moderna li twassalna għaż-żmien li gej. 

Is-Soċjalisti Ewropej f’Malta

Jekk dil-ġimgħa kienet waħda mpenjattiva l-ġimgħa d-diehla mhux se tkun b’inqas. Xogħol kontinwu li jibqa’ għaddej ħolqa ma’ oħra, kollha flimkien għal għan wieħed. Huwa impossibli li fl-ispazju limitat insemmi l-ħidma kollha f’kull qasam differenti imma l-ġimgħa d-dieħla l-Membri Parlamentari Ewropej tas-Soċjalisti Demokratiċi se jiltaqgħu f’Malta f’konferenza bit-tema ‘United for a More Social Europe’. Fi kliem Alex Agius Saliba stess qal li dan huwa pass simboliku ħafna li għall-ewwel darba mill-2013, is-Soċjalisti Ewropej qed jagħżlu lil pajjiżna sabiex jiltaqgħu barra minn Brussel. 

Għalhekk il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’Malta għax l-għaqda tagħna tinħass u nsarfuha f’xogħol differenti li meta jingħaqad flimkien wieħed jinduna li kien hemm pjan wieħed. Il-viżjoni tal-Prim Ministru li jrid itejjeb il-kwalità tal-għixien billi jaħseb fil-vulnerabbli, fil-batut, imma wkoll għan-negozjant biex ikollhom biżżejjed opportunitajiet ġusti biex jikkrejaw ideat u jkabbru l-ekonomija. B’dan il-mod jinħoloq ix-xogħol u l-pjan jinkludi biex intejbu l-istandard tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Intejbu l-edukazzjoni u l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Ninvestu dejjem iktar fis-saħħa u ambjent sostenibbli u aktar nadif. Dan huwa pajjiżna. Aħna li nħobbu l-pajjiżna nitkellmu b’sodisfazzjon u nfaħħru l’Malta mal-erbat irjiħat tad-dinja. Iva aħaa kburin li Maltin għax Malta f’qalbna.

Sport