Saturday, November 16, 2024

Bernard Grech jgħid li l-PN għandu pjan ċar fejn tidħol il-problema tal-għoli tal-ħajja

Aqra wkoll

Meta kien qed jiġi intervistat fuq Net FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar l-inflazzjoni u qal li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar fejn tidħol il-problema tal-għoli tal-ħajja. “Il-kontra ta’ dak li għandu il-Partit Laburista fejn għandek lill-Prim Ministru Robert Abela li moħħu biss biex iwaħħal f’ħaddieħor, ma jistax jindirizza din il-problema u ma jistax isib is-soluzzjonijiet. Jekk għandu xi soluzzjonijiet għal xi raġuni ma jridx jużahom,” qal Grech.

Huwa allega wkoll li l-Gvern m’għandux pjan fuq ħafna affarijiet bħal pereżempju kif m’hawnx pjan fuq it-traffiku. Bernard Grech qal li l-Gvern nefaq il-miljuni fi proġetti li għalkemm huma proġetti sbieħ bħal flyovers u għenu f’ċertu qasam, xorta kif toħroġ barra teħel fit-traffiku.

Bernard Grech tenna li mhux jifhem x’qed jiġri fil-korp tal-pulizija u kif il-Gvern nesa’ wkoll lill-pulizija għalhekk l-irhula tagħna qed jiżvilluppaw mingħajr pjan. Qal li bħala Partit Nazzjonalista tkellmu u taw is-soluzzjonijiiet. Huwa qal li n-nies qed tħoss li dan il-Gvern qed jabbandunaha fuq l-għoli tal-ħajja, fuq is-sigurtà u fuq ħafna affarijiet oħra.

Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista huwa partit kbir li tkun fih aħseb u ara hu xi privileġġ għandu li huwa kap ta’ dan il-partit. Bħala partit li permezz tiegħu jagħmlu l-ġid jindirizzaw kull sitwazzjoni biex titjieb.

Huwa jgħid li skop wieħed għandu f’moħħu li huwa l-interess tal-pajjiż u l-ġid tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li bħala partit jemmnu li permezz ta dan il-partit jistgħu jaslu għal ġid tal-pajjiż.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-Air Malta li skontu “hi bla soluzzjoni mill-Gvern.” “Kif il-Gvern wiegħed kollox qabel l-elezzjoni u issa qed jara f’min ħa jwaħħal għaliex kemm il-gwerra tal-Ukrajna kif ukoll il-pandemija tal-Covid bdew qabel l-elezzjoni. Huwa qal li d-dejn tal-pajjiż irdoppja b’mod allarmanti għax mhux jinvestu bilgħaqal. “Minħabba f’hekk l-Air Malta marret lura bil-Partit Laburista. Għalhekk il-Partit Laburista qed iħalli l-affarijiet jiġru waħidhom u mhux jindirizza il-problema bis-serjetà.”

Grech tkellem dwar il-kunċett tal-work life balance fejn qal li din kienet inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista li emmen fiha u għamlet differenza kbira. Huwa spjega kif fl-aħħar il-Gvern għax ma kellux għażla oħra bid-‘deadline’, daħħal din id-direttiva u daħħal l-inqas possibbli biex ma jiġġlidx mal-Unjoni Ewropea għax ma jemminx fil-ġid tal-familji Maltin.

Fl-aħħar nett, huwa tkellem dwar ir-riforma li qed isir fil-Partit Nazzjonalista fejn qed jaspira biex ikompli jissaħħaħ bħala partit u jibqgħu viċin in-nies biex dan il-pajjiż jaqbad it-triq it-tajba. Huwa qal li jekk il-Partit laburista għejja u ma fadallux aktar ideat kif jindirizza l-problemi jmissu jwarrab. Min-naħa l-oħra saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jara li jkun hawn soluzzjonijiet għal pajjiżna.

Ekonomija

Sport