Saturday, July 20, 2024

Biden iwiegħed aktar difiża mill-ajru lil Ukranja

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wiegħed se jagħti 5 sistemi ta’ difiża mill-ajru lil Ukranja biex b’hekk tkun tista’ tiddefendi lilha nnifsha mill-forzi Russi.

Hu ħabbar dan hekk kif beda jiltaqgħu l-mexxejja tan-NATO liema laqgħa qiegħda ssir f’Washington DC. B’messaġġ qasir però meqjus bħala wieħed f’saħħtu ħafna, Biden qal li n-NATO se tkun aktar b’saħħitha meta qiegħda taffaċja gwerra bejn ir-Russa u l-Ukranja.

Kompla jgħid li l-Istati Uniti flimkien mal-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u r-Romanija se jkunu qegħdin jagħtu lil Ukranja aktar armi b’mod partikolari difiża mill-ajru wara li aktar persuni ċivili komplew jinqatlu fl-aħħar sigħat.

Dan il-messaġġ minn Biden wara li jumejn ilu allegatament u skont kif qiegħed jiġi rraportat fil-midja tal-Punent, ir-Russja attakkat sptar tat-tfal fil-kapitli Kiev u fih inqatlu diversi persuni ċivili fosthom tfal. Is-Sindku tal-belt ġie kkwotat jgħid li dan kien l-agħar attakk fuq Kiev mindu bdiet il-gwerra.

Nhar it-Tnejn li għadda nqatlu wkoll 43 persuna f’attakki mill-ajru li twettqu mir-Russja kif ukoll mijiet kbar oħrajn spiċċaw midrubin. Dwar l-attakk fuq l-isptar tat-tfal, ir-Russja qalet li mhux hi kienet li wettqitu, iżda investigazzjoni mill-Ġnus Magħquda rriżultat li dan kien ordnat minn Moska.

Min-naħa tiegħu l-President Ukren Volodymyr Zelensky ilu xhur sħaħ jitkarrab biex l-alleati tal-Punent jagħtu aktar armi u sistemi ta’ difiża lil pajjiżu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport