Sunday, November 24, 2024

Biden jikkunsidra riforma kbira fil-Qorti Suprema

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden qed jikkunsidra riformi kbar fil-Qorti Suprema tal-Istati Uniti inkluż it-tneħħija tal-privileġġ li l-imħallef jiġu maħturin għal għomorhom. Dawn il-bidliet drastiċi qed ikunu kkunsidrati wara li din l-ogħla qorti ħadet sensiela ta’ deċiżjonijiet fosthom it-tneħħija tad-dritt federali għall-abort u sentenza li tat immunità lil Donald Trump mill-prosekuzzjoni għal reati li wettaq meta kien president.

CBS News irrapporta li l-President Biden kien qed jeżamina li jistabilixxi limiti tat-terminu għall-imħallfin, li bħalissa huma maħturin għal għomorhom, u jsaħħaħ il-kodiċi tal-etika tal-qorti. Madankollu, se jkun diffiċli li biex bidliet bħal dawn jkunu approvati f’Kungress maqsum u polariżżat.
Fi tmiem il-ġimgħa, Biden qal lid-Demokratiċi fil-Caucus Progressiv tal-Kungress li kien qed jaħdem ma’ esperti dwar dawn il-bidliet u li r-riformi kienu se jitħabbru dalwaqt. Is-Segretarju għall-Istampa tal-White House Karine Jean-Pierre iżda naqset milli telabora meta mistoqsija dwar il-bidliet proposti, jew meta dawn mistennija jitħabbru.

F’post fuq pjattaforma tiegħu Truth Social, Donald Trump attakka dak li sejjaħ bħala attakk illegali u anti-Kostituzzjonali fuq il-Qorti Suprema tal-pajjiż.

Biden ilu jirreżisti talbiet mill-partit tiegħu stess biex jirriforma l-qorti. Xi Demokratiċi anki kienu argumentaw li kien hemm bżonn ta’ bidla wara li l-eks president Trump kien ħatar tliet imħallfin tal-lemin politiku biex jiffurmaw maġġoranza konservattiva ta’ 6-3 fil-Qorti Suprema.

Kien hemm ukoll mistoqsijiet dwar l-etika fil-qorti superjuri wara li l-Imħallef Clarence Thomas kien aċċetta vjaġġi lussużi mingħand donatur Repubblikan biljunarju, u mistoqsijiet dwar l-appoġġ ta’ martu biex ikun annullat ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 meta Trump tilef.

Biden kien ħoloq kummissjoni biex toħroġ rakkomandazzjonijiet kmieni fil-presidenza tiegħu, iżda l-parir li ngħata qatt ma ġie segwit.

Id-Demokratiċi se jiffaċċjaw sfida kbira biex jiksbu kwalunkwe riforma permezz ta’ Senat maqsum u Kamra tar-Rappreżentanti kkontrollata mir-Repubblikani.

L-opinjonijiet tal-qorti suprema f’dan it-terminu wrew il-bidla politika qawwija, bil-maġġoranza konservattiva ħarġet serje ta’ deċiżjonijiet ta’ profil għoli li affettwaw id-drittijiet tal-abort, il-liġijiet tal-armi, l-ambjent u l-proċessi kriminali ta’ Trump.

Il-qorti suprema warrbet ukoll il-pjan ta’ Biden li jaħfer is-self lill-istudenti li kien se jħassar biljuni ta’ dollari f’dejn taċ-ċittadini Amerikani.

F’opinjonijiet oħra li tat, il-qorti ddeċidiet li Trump u presidenti oħra għandhom immunità wiesgħa – iżda mhux assoluta – mill-prosekuzzjoni kriminali għall-azzjonijiet tagħhom waqt li jkunu fil-kariga. Bil-ħila t’hekk, wieħed mill-erba’ każi kriminali kontra Trump minn dak iż-żmien ġie miċħud u s-sentenza ġiet ittardjata f’każ ieħor.

Flimkien mar-riformi maħsuba, Biden qed jeżamina wkoll li jappoġġja emenda kostituzzjonali li telimina l-immunità wiesgħa ċċitata mill-qorti. Il-pjan tal-president Biden, jekk jitħabbar, tal-inqas jipprovdilu argument ġdid fuqhiex jikkampanja fit-tħejjija għall-elezzjoni ta’ Novembru li ġej.
Waqt il-kampanja tiegħu, il-president Biden ripetutament isemmi l-Qorti Suprema u jiċċita d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa semma l-qorti suprema nhar it-Tlieta waqt intervista ma’ BET, u rrefera għad-deċiżjoni tagħha fl-2022 li eliminat id-dritt għal abort billi qalbet is-sentenza ta’ qabel fil-każ Roe v Wade.

B’deċiżjonijiet dwar kollox, mid-drittijiet ċivili u l-ambjent għal-legalita li wieħed iġorr pistola u libertajiet reliġjużi, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti dejjem kellha rwol qawwi fil-ħajja Amerikana.
Iżda dak ir-rwol kien qed jinbidel b’ċerti modi, bid-disa’ mħallfin tal-qorti – mhux eletti u kapaċi jservu għal għomorhom – issa qed ikollhom sehem ikbar fil-ħajja politika tal-pajjiż.

Sport