Thursday, December 26, 2024

“Bil-paċi u l-għaqda, id-dinjità ta’ kull bniedem tkun imħarsa”

MALTA TFAKKAR IL-VITTMI TAŻ-ŻEWĠ GWERER DINJIN

Aqra wkoll

  • Mons. Paul Carmel Vella

Malta lbieraħ ngħaqdet mal-pajjiżi tal-Commonwealth sabiex tfakkar lill-vittmi taż-żewġ gwerer dinjin. Għal din l-okkażjoni kienet ikkonċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann li kienet immexxija minn Mons. Paul Carmel Vella fin-nuqqas tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li kien indispost wara li weġġa’ f’inċident matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, spezzjonat il-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta, bis-sehem ukoll tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Intant, fl-omelija tiegħu, Mons. Vella qal li f’dan il-jum qed niltaqgħu biex nieqfu u nirriflettu waqt li nonoraw lil dawk ta’ qabilna, missirijietna, li taw ħajjithom fis-servizz lejn pajjiżhom.

Huwa sostna li dan huwa jum ta’ gratitudni u riflessjoni solenni, jum li fih għandhom ikunu mfakkra sagrifiċċji magħmula minn numru bla għadd ta’ rġiel u nisa li qdew art twelidhom u nieshom f’mumenti ta’ kunflitt kemm fil-qrib kif ukoll fil-bogħod u f’sitwazzjonijiet u forom li sawru l-mixja tal-istorja tal-bniedem.

Mons. Vella tenna li l-istorja tal-gwerra mhix biss ġrajja ta’ battalja missielta fuq xi wieħed mix-xtajta tal-baħar l-aktar imbiegħed, iżda hija l-istorja tas-sofferenza tal-bniedem, tal-kuraġġ u x-xenqa għall-paċi u l-ġustizzja li kellhom missirijietna. “Illum infakkru mhux biss dawk is-suldati li mietu fil-ġlieda għall-paċi imma niftakru wkoll fil-familji li ġarrew is-sogħba u t-telfa tal-għeżież tagħhom. Niftakru f’dawk li baqgħu ħajjin u rritornaw lejn djarhom mibdula u mmarkati bit-terrur li esperjenzaw waqt il-ġlied li għaddew minnu.”

Mons. Vella kompla jgħid li f’din ir-riflessjoni ma nistgħux ma niftakrux li l-muftieħ tal-verità fil-fidi tagħna hu li l-akbar imħabba hi murija meta wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn. “Jum it-Tifkira huwa jum li fih nirriflettu kif aħna lkoll nistgħu nagħtu sehemna għal dinja aktar sabiħa, fejn tirrenja l-paċi u l-ġustizzja. Kull wieħed u waħda minna msejħa biex inkunu l-vuċi tal-paċi, li nwasslu t-tama u naħdmu kontinwament għall-ġustizzja. Għax il-ġustizzja ġġib u tnissel il-paċi. Bil-paċi u l-għaqda, id-dinjità ta’ kull bniedem tkun imħarsa,” huwa temm jgħid.

Wara l-quddiesa saret ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana. Matul din iċ-ċerimonja tqiegħdu kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni distinti oħra.

Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra ffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.

Ekonomija

Sport